Ir-raġel li qed jinżamm arrestat mill-Pulizija b’rabta mal-attakk b’sikkina u bl-aċtu fuq mara ta’ 50 sena fil-Marsa, ġie identifikat bħala Noel Calleja ta’ 38 sena. L-istess raġel li lura fl-2012 attakka lill-istess mara fiż-żona ta’ Farżina f’Ħal Qormi fejn għamel 14-il siegħa maħrub u għamel madwar ħames sigħat fuq arblu ta’ residenza privata, jhedded li se jaqbeż.
Jacqueline Depasquale ta’ ħamsin sena mis-Swieqi tinsab f’qagħda kritika wara li lbieraħ sfat attakkata b’sikkina mill-istess raġel waqt argument fil-Marsa fejn qed jingħad li allegatament tefagħlha anke l-aċtu f’wiċċha.Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħodu meta nqala’ argument bejn il-vittma u r-raġel f’karozza li kienet ipparkjata bl-addoċċ fi Trejqet Isouard, il-Marsa.
Xhieda fuq il-post qalu lil ONE NEWS li l-vittma u l-aggressur qatt ma dehru fl-inħawi u jidher li l-argument beda qabel mar-raġel tefa’ l-vettura fil-ġenb tat-triq. Kien hawn li l-argument kompla jeskala bir-raġel allegatament joħroġ arma bil-ponta u jaggrediha biha tant li l-bieba tal-passiġġiera spiċċat imċappsa kollha bit-tbabar tad-demm tal-mara.
Il-Pulizija qalet li fl-aggressjoni l-mara ndarbet ukoll minn xi likwidu aċiduż li allegatament twaddab fuqha mill-istess raġel.
Fuq il-post issjeħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura u aktar tard ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.
Is-suspettat għadu qiegħed jinżamm mill-Pulizija għall-iktar stħarriġ.