“Dak li ġara f’dawn l-aħħar ġimgħat ma kienx skrutinju imma attakk insensat u ta’ vendetta kkordinata.”
Dan intqal mill-Ministru Clint Camilleri f’kitba fuq Facebook, fejn irreaġixxa għal rikors ieħor għall-inkjesta Maġisterjali minn dawk li sejjaħ “l-istess nies”, lejlet il-Milied.
Intqal li dan dwar proġett tal-Gvern, li l-Partit Nazzjonalista ħalla jikrolla u qata’ qalbu minnu u ħalla raħal sħiħ mingħajr l-aċċess prinċipali.
Qal li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu b’sensiela ta’ reati kriminali, b’akkużi ta’ ħabs.
Intqal li fl-aħħar ġimgħat kien hemm manuvri fil-konfront tiegħu, familtu u anki nies oħra.
Il-Ministru Camilleri qal li huwa inġust fil-konfront ta’ kulħadd li hemm min juża l-liġijiet li suppost ikunu t-tarka taċ-ċittadin għal għanijiet perversi u politiċi.
Huwa qal li huwa jiċħad bl-iktar mod kategoriku dawn l-insinwazzjonijiet kollha msemmija u qal li m’għandu l-ebda problema li jirrispondi għal mistoqsijiet meta jkun hemm il-bżonn.