Ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, attakka lill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, f’artiklu ppubblikat fil-gazzetta Sunday Times, dwar l-inkjesta amministrattiva fis-serqa tad-droga minn kontejner fil-barracks tas-suldati x-xahar li għadda fejn, fost l-oħrajn, ikkonkluda li l-Ministru responsabbli Byron Camilleri aġixxa kif kellu jaġixxi.
Fl-istess opinjoni, Cassar attakka u insulenta lill-istess Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, kif għamel drabi oħrajn qabel, flimkien mas-Segretarju Permanenti fl-istess ministeru u l-istess Armata nazzjonali.
Fi kliemu, Cassar attakka lill-Imħallef irtirat fuq il-bażi li dan ma sabx ħtija fil-Ministru Byron Camilleri, filwaqt li maqdar il-mod kif kien mibni r-rapport.
Atteġġjament tipiku tal-estremisti tal-establishment Nazzjonalista u membri tal-għaqda Repubblika … fejn xi ħaġa ma taqbilx ma’ dak li jridu huma, allura jattakkawha.
Fl-artiklu fis-Sunday Times, Cassar għajjar lill-Ministru Camilleri bħala għażżien, inkompetenti u li hu direttament responsabbli għas-serqa tal-132 kilogramma tal-kannabis mill-barracks tas-suldati, anke jekk l-inkjesta amministrattiva tiċħad dan kompletament.
Għax ir-rapport konklussiv ma daqqlux għal widnejh, ħaten Fenech Adami qal li l-Imħallef Valenzia ddefenda lill-Ministru meta qal li dan jemmen fl-irġulija u kien lest li jieħu r-responsabilità.
Fil-fatt, Cassar qal li l-Imħallef Emeritu Valenzia fehem totalment ħażin jew fehem tajjeb b’mod li jintogħġob mal-Ministru Camilleri u mal-Prim Ministru Robert Abela, b’attakk dirett fuq l-imparzjalità tiegħu bħala ġudikant ta’ esperjenza.