Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba esprima l-frustrazzjoni tiegħu għall-azzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, Roberta Metsola u David Casa, fejn filwaqt li l-bqija tal-Unjoni Ewropea hija ffukata fuq il-ġlieda kontra l-pandemija, għal darb’oħra, huma medhijin jagħmlu il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.
Agius Saliba qal li fi żmien fejn l-unità hija meħtieġa mill-Membru Parlamentari Ewropew kollha biex tiffoka fuq il-pandemija u kwistjonijiet globali oħra li ċ-ċittadini Ewropej qed ikollhom jiffaċċjaw, il-membri tal-Partit Popolari Ewropew qed iwettqu manuvri biex jiddevjaw l-attenzjoni lejn il-każ legali għaddej bħalissa f’Malta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan huwa attakk bla bżonn, hekk kif għadhom għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti Maltija. Il-fatt biss li dawn il-proċeduri għadhom għaddejjin juri biċ-ċar li l-istuzzjonijiet f’Malta qegħdin jaħdmu u qed jagħmlu x-xogħol tagħhom.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista, l-Ewroparlamentari Laburista sostna li matul dawn l-aħħar sigħat, kienu għaddejjin manuvri mill-Partit Popolari Ewropew li jixtieq li jiġi msejjaħ dibattitu u li tiġi adottata riżoluzzjoni matul is-sessjoni Plenarja tal-ġimgħa d-dieħla, dwar il-qtil tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia, waqt li bħalissa għaddejjin proċeduri legali f’Malta. Dan huwa tentattiv ċar mill-Grupp tal-Popolari Ewropej, xprunat mill-membri Maltin tiegħu, biex jerġa’ jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta”
Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qal li kien f’kuntatt mat-tmexxija tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li lkoll fehmu li dan attakk vili u inutli fuq il-Gvern Malti. Filwaqt li l-Grupp ġie infurmat dwar l-intenzjonijiet veri ta’ din ir-riżoluzzjoni proposta.
Dr Saliba stqarr li fi żmien fejn ħareġ li l-Ministri Konservattivi Ġermaniżi fi ħdan il-Grupp tal-Popolari kienu involuti fi skandli ta’ korruzzjoni, Manfred Weber appoġġjat minn Metsola u Casa qed ifittxu li jiddevjaw l-attenzjoni tal-Ewropa billi għal darb’oħra jiftħu n-nar fuq Malta.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba saħaq li se jibqa’ jiddefendi l-interessi ta’ Malta b’forza sħiħa kontra dan l-attakk li qed jitmexxa ‘l quddiem mill-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti. Huwa tenna li dejjem iddefenda r-reputazzjoni ta’ Malta fil-Parlament Ewropew u għal darb’oħra qiegħed ikun fuq quddiem nett kontra dan l-isforz.