“Dawk li qed jattakkaw il-programm ta’ Malta qed jattakkaw l-istabbiltà tal-industrija tal-films.”
Kien dan il-prinċipju ewlieni wara l-messaġġ tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, f’messaġġ fuq Facebook b’reazzjoni għall-aħħar attakki sistematiċi fuq l-industrija tal-films pajjiżna, partikolarment b’rabta mal-programm magħruf bħala tal-Cash Rebate.
Programm offrut lill-produtturi tal-films li huwa approvat permezz ta’ Avviżi Legali u għandu l-approvazzjoni b’konformità ma’ regoli Ewropej. Dan saħansitra kompla jiġi msaħħaħ mill-2013 ’il quddiem biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv, jinħoloq xogħol ta’ kwalità u tingħata garanzija għal dawk kollha li jaħdmu u jinvestu fl-industrija tal-films.
Il-programm ta’ cash rebate hu inċentiv fiskali fejn pajjiżna jagħti persentaġġ ta’ flus lura lil produzzjonijiet lokali u barranin, wara li jiġu ppreżentati l-provi ta’ kif intefqu l-flus f’pajjiżna permezz ta’ awditjar rigoruż.
Dwar l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dan il-programm Johann Grech irrimarka li dan l-attakk huwa motivat biex igerrex l-investiment f’din l-industrija f’pajjiżna.
Qal, “Attakk motivat biex igerrex l-investiment barrani minn pajjiżna. Attakk fuq il-jobs tal-Maltin u l-Għawdxin li jaħdmu fil-films. Attakk fuq dawk li investew lira fin-negozju tagħhom biex jinvestu fil-films. Għalina l-jobs tagħkom huma importanti. Il-valur tagħkom huwa wisq kbir għal pajjiżna.”
Dwar l-iskema tal-Cash Rebate, li fl-aħħar jiem ġiet attakkata f’sezzjonijiet differenti tal-midja f’pajjiżna, il-Kummissarju tal-Films sostna li din hija skema offruta wkoll mill-kompetituri ta’ pajjiżna.
Skema intiża biex tattira aktar investiment u li permezz tagħha aktar persuni qed jaħdmu f’din l-industrija s-sena kollha u mhux fuq bażi part-time biss.
Qal, “Dan huwa inċentiv bħal oħrajn li toffri Malta lil industriji oħrajn, bħas-settur tal-gaming u l-financial services biex inġibu aktar xogħol lejn pajjiżna. Huwa programm approvat mill-Unjoni Ewropea u noffruh bħal pajjiżi oħra kompetituri tagħna. Min jitkellem kontra l-cash rebate ta’ pajjiżna qed jitkellem kontra l-job tagħkom. Kontra l-futur tagħkom.”
Filwaqt li sostna li l-Kummissjoni se tibqa’ taħdem biex din l-industrija tkompli tifjorixxi f’pajjiżna, tattira l-investiment u twassal aktar xogħlijiet ta’ kwalità lil dawk kollha li jixtiequ jimirħu f’dan is-settur, Grech temm jgħid li dak li nkiseb fl-aħħar snin irid ikun akbar fis-snin li ġejjin.
Intant ftit tal-jiem ilu, fid-dawl tal-attakki mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li l-kampanji kontra dan il-programm huwa bbażat fuq tagħrif mhux fattwali li jistgħu biss igerrxu l-investiment, itellfu x-xogħol tan-nies u jheddu l-industrija tal-film