Il-kunflitt fil-Libja reġa’ ssokta bil-kbir u miegħu ġab kriżi kbira fil-pajjiż.
Il-Ministeru Libjan għas-Saħħa qal li wieħed u għoxrin persuna nqatlu u sebgħa u għoxrin oħra weġġgħu minħabba l-ġlied li għaddej barra Tripli.
Il-gwerra fi Tripli bdiet wara li l-Ġeneral Khalifa Haftar ta ordni lill-forzi tiegħu biex javvanzaw lejn il-belt Libjana u jilliberawha mit-terroristi tal-Al-Qaeda.
Mindu Haftar ta din l-ordni, ġlied kbir seħħ f’diversi żoni, fosthom Wadi Rabea, Triq l-Ajruport u Alin Zara.
Kien hemm ukoll attakki mill-ajru, hekk kif l-Armata Libjana, taħt il-kmand tal-Kunsill Presidenzjali, attakkat bażijiet militari ta’ Haftar.
Dan filwaqt li l-forzi ta’ Haftar wettqu attakk mill-ajru fuq il-bażi li hemm f’Naqiliya fin-Nofsinhar ta’ Tripli.
Fl-aħħar ħinijiet, il-forzi ta’ Haftar wettqu attakk bl-ajru fuq l-ajruport ta’ Mitiga fi Tripli. F’dak il-ħin kien hemm ħafna passiġġieri fl-ajruport lesti biex iħallu l-Libja wara l-ġlied fl-aħħar jiem.
L-ajruport ta’ Mitiga huwa l-unika mezz kif in-nies jistgħu iħallu Tripli bl-ajru, hekk kif l-ajruport internazzjonali nqered snin ilu fi ġlied kbir.
Intant, skont in-Nazzjonijiet Magħquda, minn tal-inqas elfejn u tmien mitt persuna ħarbu miż-żoni milquta bil-ġlied.
Dan filwaqt li hemm oħrajn li għadhom maqbuda jew jinsabu maqtugħin minn servizzi importanti ta’ emerġenza.
Il-Prim Ministru Libjan Fayez al-Serraj akkuża lil Ġeneral Haftar li qed jipprova jagħmel kolp ta’ stat.
In-Nazzjonijiet Magħquda appellaw għal sagħtejn ta’ waqfien mill-ġlied sabiex dawk li weġġgħu jingħtaw il-kura waqt li n-nies ikunu evakwati, iżda l-ġlied kompla xorta waħda.
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurta Federica Mogherini qalet li s-sitwazzjoni fil-Libja hija ta’ tħassib/
Intant fl-laqgħa li kellu mal-grupp parlamentari nazzjonalista, l-President George Vella tkellem dwar l-aħħar zvilupp fil-libja u esprima t-tħassib tiegħu, filwaqt li ttama li tinstab soluzzjoni politika u mhux militari.
Il-President George Vella qal li huwa għamel kuntatt mal-Isqof Malti George Bugeja, li jinsab Tripli dwar din is-sitwazzjoni.
Il-President qal li kawza ta’ dan il-kunflitt, diġà hemm Libjani li qed jaħarbu minn Tripli. Bl-inkwiet jista’ jwassal għal mewġa ta’ Libjani li jħallu pajjizhom lejn l-Ewropa.