F’kull demokrazija moderna l-ġudikatura ma tintużax bħala għodda politika, iżda donnu li l-esponenti ewlenin tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista jaħsbuha differenti. Tant li, għall-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela, li tenna dan il-prinċipju fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, ħareġ l-establishment tal-Partit Nazzjonalista jattakkah.
“Il-ġustizzja ma tfissirx terroriżmu politiku. Il-ġustizzja onesta u t-tpattija politika ma jgħixux flimkien,” qal Robert Abela, f’dak li hu ovvju. Iżda ħarġu mill-ewwel il-kundanni tal-oppożizzjoni ta’ Repubblika.
Skont Repubblika, kumment bħal dan hu kumment Faxxist.
“Għalina dan hu tentattiv ta’ intimidazzjoni u theddida lill-Qrati ta’ pajjiżna. Repubblika mhi se taċċetta qatt dan it-tip ta’ diskors u mġieba,” qalet Repubblika, li ladarba ma taqbilx ma’ dak iddikjarat mill-Prim Ministru donnu lesta taċċetta li l-ġudikatura tintuża bħala għodda politika.
“Dan id-diskors hu inaċċettabli f’demokrazija,” qalet Repubblika.
L-istess għamel il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ Karol Aquilina. Skont il-Partit Nazzjonalista Robert Abela qed jintimida lill-ġudikatura u jxewwex lin-nies għax jgħid li x-xogħol tal-ġudikatura m’għandux ikun determinat minn ‘timings elettorali’.
“Il-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra, jiddikjara li għandu fiduċja sħiħa fl-imħallfin u fil-maġistrati kollha ta’ pajjiżna,” qal il-Partit Nazzjonalista.
Dan l-attakk, imbagħad, infirex fuq is-social media, bid-deputati tal-establishment, bħall-MEP David Casa u Mark Anthony Sammut, ikunu fuq quddiemnett biex jattakkaw lill-Prim Ministru.