B’reazzjoni għad-diskors tal-kap tal-Partit Nazzjonalista il- Partit Laburista qal li il-poplu li stinka u ħadem biex f’pajjiżna inħoloq il-ġid kien deskritt bħala llupjat mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia. F’Kunsill Ġenerali bl-għajta favur il-libertà, Adrian Delia implika li l-poplu Malti ma jinteressahx mill-ġustizzja u l-libertà minħabba l-għażliet li għamel.
Fil-fatt, fl-istess ħin li tkellem dwar il-libertà, Adrian Delia għajjar lil maġġoranza tal-Maltin li bil-libertà kollha għażlu li ma jmorrux jipprotestaw, kif wara kollox għamel hu, bħala aljentati u ma jimportahomx. Saħansitra lill-poplu qallu mixtri għax għamel l-għażliet tiegħu fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Dan hu ħsieb arroganti minn min tant jaħseb li jista’ jagħmel li jrid li la jħallas it-taxxa u lanqas irid li allegazzjonijiet mill-iktar serji dwaru jkunu investigati.
Fuq kollox jekk kien hemm bżonn konferma ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista hu maqtugħ mir-realtajiet tal-Maltin u l-Għawdxin kien il-Kunsill Ġenerali li ltaqa’ dalgħodu.
Il-messaġġ dirett u indirett kien li kull min mhux parti mill-kampanja tal-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-ħażin. Fi tliet sigħat ta’ diskorsi ripetuti, Adrian Delia, ma qalx fejn irid jieħu l-Partit Nazzjonalista u konsegwenza ta’ hekk il-pajjiż.