Mill-inqas 40 Palestinjan inqatlu lbieraħ f’attakki Iżraeljani madwar Gaza, il-parti kbira minnhom meta ntlaqat bini residenzjali fil-belt tat-Tramuntana Jabalia.
Iċ-ċentru Palestinjan għad-drittijiet tal-bniedem f’Gaza qal li attakk Iżraeljan mas-sebħ qered bini ta’ tliet sulari li qatel 24 persuna u ġew feruti madwar 30 persuna oħra minn djar fil-qrib.
Il-militar Iżraeljan qal li kien attakka lokazzjoni f’Jabalia minn fejn kienu qed joperaw it-terroristi.
Fil-belt ta’ Gaza, qed jiġi rrappurtat li attakk Iżraeljan fuq dar f’Sabra qatel lil Wael Al-Khour, uffiċjal fil-ministeru tal-benesseri, flimkien ma’ martu, tliet uliedu u tliet neputijiet.
Il-militar Iżraeljan qed jakkuża lill-grupp militanti Palestinjan Hamas li qed jisfrutta l-popolazzjoni u l-propjetà f’Gaza għal skopijiet militari, akkuża li qed tiġi miċħuda mill-Hamas.
L-isforzi biex jintlaħaq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ naħat s’issa fallew, bl-Iżrael u l-Hamas iwaħħlu f’xulxin għal dan.
Il-Qatar, li flimkien mal-Eġittu u l-Istati Uniti, ilu jipprova jinnegozja waqfien mill-ġlied, qal li se jissospendi l-isforzi tiegħu sakemm iż-żewġ naħat juru rieda u serjetà biex jerġgħu jibdew in-negozjati.
Sa issa ma kien hemm l-ebda tweġiba uffiċjali mill-Hamas jew l-Iżrael.