Tliet persuni mietu u għexieren oħra ndarbu fi splużjoni kbira f’moskea f’Kabul.
L-attakk seħħ hekk kif numru ta’ Musulmani nġabru għat-talb l-Erbgħa filgħaxija. Fost il-midruba kien hemm ħamest itfal fosthom tifel ta’ seba’ snin.
Il-pulizija qalet li mhuwiex ċar min kien wara dan l-attakk, però dan l-attakk sar biss ġimgħa wara li persuna importanti fil-grupp tat-Taliban inqatel fi splużjoni oħra, li kienet attakk ta’ suwiċidju, f’Kabul stess.
Diversi persuni li kienu fuq il-post ddeskrivew x-xena bħala waħda ta’ terrur wara li semgħu splużjoni qawwija li anka faqqgħet twieqi ta’ bini fil-viċin.