Attakk vandalu li sar fil-jiem li għaddew qered madwar 220 kaxxa li kien fihom mal-250,000 naħla. Dan billi xi persuni li għadhom mhux magħrufa tawhom in-nar. Il-ħsara hi stmata li tilħaq ma’ €12,000.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jikkundanna bla riżervi att vandalu li sar fuq kaxxi tan-naħal li kienu bejn l-Għarb u l-Għasri, f’Għawdex. “Dan mhuwiex biss attakk fuq kumpanija privata li ġiet tinvesti f’pajjiżna fil-qasam agrikolu, iżda wkoll attakk vandalu ambjentali fl-istess ħin,” qal is-Segretarjat Parlamentari li appella lil kull min għandu xi informazzjoni biex jgħaddiha lill-Pulizija li qed tistħarreġ dan il-każ.