“Hija aħbar pożittiva li l-Att dwar l-Edukazzjoni ser ikun qed jidħol fis-seħħ qabel sena skolastika oħra.” Hekk stqarret il-Kummissarju għat-tfal Pauline Miceli li nnutat kif dan il-qafas legali ġdid kien importanti sabiex jibdel il-liġi antika li kien hemm fis-seħħ.
Hija spjegat kif fost l-oħrajn dan l-Att fforma bord sabiex jaħdem fl-interess tat-tfal f’każijiet fejn il-ġenituri minħabba pika bejniethom ma jagħtux il-kunsens tagħhom biex it-tfal jattendu ħruġ, councelling jew opportunitajiet oħra.
Miceli stqarru: “Dan niltaqgħu magħha kontinwament. Tfal jiġu mċaħħda minn attivitajiet, jew ħarġiet jew anke xi councelling għaliex b’pika bejn il-ġenituri xi ħadd ma jiffirmax u t-tfal jibqgħu hekk. Din issa jkun hemm dan il-bord apposta u jiddeċiedi hu x’inhu l-aħjar interess tat-tfal.”
Hija stqarret kif issa dan l-att ser joffri qafas legali li b’opportunità għal emendi addizzjonali sabiex dan l-att ikompli jkun irfinat favur id-drittijiet tat-tfal. Miceli stqarret kif l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-tfal qed jipproponi fost l-oħrajn li l-kisbiet li saru bit-tagħlim online matul il-pandemija ma jintilfux. Dan filwaqt li spjegat kif tista’ tkun addotata sistema fejn wara l-adozzjoni ta’ dan l-att it-tfal ikollhom sehem dirett fl-evalwazzjoni ta’ kif qed ikunu affettwati.
Hija sostniet: “Xi pajjiżi diġà għandhom li kull liġi jew policy jiġifieri li tgħaddi, din naraw l-impatt tagħha fuq it-tfal u l-impatt tagħha ġej milli naraw it-tfal x’jaħsbu wara li din qabel ma tkun għaddiet u mbagħad tagħmel l-evalwazzjoni tagħha meta tkun fis-seħħ biex jaraw jistgħux jinbidlu affarijiet biex ikunu aħjar.”