Ilbieraħ, il-Parlament Malti approva t-tielet u l-aħħar qari tal-Att il-Ġdid dwar il-Logħob, li huwa ntiż u mistenni li jgħolli l-profil ġurisdizzjonali ta’ Malta minn lat regolatorju billi jsaħħaħ ir-rwol superviżorju tal-MGA, speċifikament il-funzjonijiet ta’ konformità u ta’ infurzar tagħha sabiex tikseb aħjar l-objettivi regolatorji tagħha. Dan dejjem f’konformità ma’ żviluppi konkorrenti marbuta ma’ miżuri kontra l-ħasil tal-flus u miżuri fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
Il-qafas il-ġdid ser jwessa’ l-iskop regolatorju sabiex ikabbar is-sorveljanza regolatorja tal-MGA u b’hekk jippermetti fejn meħtieġ intervent b’mod proporzjonat. L-Att il-ġdid ser jippermetti wkoll segmentazzjoni f’diversi funzjonijiet ewlenin tal-irwol li Key Official iħaddan f’entità liċenzjata għal skrutinju dirett u għal kontrolli superviżjorji immirati u ser jsaħħu wkoll l-qafas tal-‘player protection’ billi jifformalizzaw l-irwol tal-Player Support Unit tal-MGA bħala medjatur bejn dawk li jilgħabu u l-operaturi. L-Att il-Ġdid jipprevedi wkoll proċessi ġodda u aktar effettivi għal ġustizzja kriminali u amministrativa.
Oqsma oħra importanti ta’ iffukar jinkludu standards ta’ ħarsien tal-konsumatur, miżuri tal-logħob responsabbli, rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi tal-imħatri tal-logħob fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi u standards orjentati abbażi tal-objettiv sabiex ikunu mħeġġa innovazzjoni u żvilupp.
Attwalment, il-leġiżlazzjoni tinsab għaddeja mill-proċess tat-Technical Regulation Information System (TRIS), f’konformità mad-Direttiva tal-UE 2015/1535, fejn matul dan il-proċess kemm il-Kummissjoni Ewropea u anke l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwarha. Fl-assenza ta’ kummenti waqt dan il-proċess, din il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2018 għal operaturi onlajn u wara perjodu tranżitorju, mill-1 ta’ Jannar 2019 għal operaturi ibbażati fuq l-art. L-istess kriterji japplikaw għal-leġiżlazzjoni sussidarja u Direttivii maħsuba li jinħarġu taħt dan l-Att ġdid. Dawn bħalissa wkoll jinsabu fil-proċess tat-TRIS. Sabiex tkun iffaċċilitata t-tranżizzjoni tal-qafas leġiżlattiv ġdid, l-MGA nediet proċess ta’ komunikazzjoni ma’ operaturi attwalment liċenzjati, proċess li maż-żmien ser ikompli jikber biex ikopri kemm l-operaturi kif ukoll partijiet interessati oħra. Dan se jinkludi wkoll linji gwida fuq l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-politika u tal-liġijiet l-ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, l-Onor. Silvio. Schembri qal: “Nixtieq nirringrazzja lill-MGA talli mexxew din l-aġenda regolatorja ‘l quddiem, kif ukoll talli iddentifikaw oqsma għal aktar titjib kontinwu. L-MGA ser tkun qegħda tirrevedi perjodikament is-settur u l-qafas innifsu u ser tagħti pariri lill-Gvern dwar il-kisbiet tal-objettivi tagħha billi tiffoka primarjament fuq il-ħarsien tal-konsumatur u l-integrità.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MGA, Heathcliff Farrugia saħaq li; “Din hija kisba importanti ħafna għall-MGA. Din il-liġi ġdida tistabbilixxi poteri u strutturi b’saħħithom ħafna ta’ konformità u infurzar u jniedu l-fondazzjoni neċessarja sabiex tkompli tkun imsaħħa l-‘player protection’.”