Bħala parti mill-impenn tal-bank li jagħmilha kemm jista’ jkun faċli biex il-klijenti kollha jinqdew mill-bank, b’konvenjenza permezz tat-teknoloġija, HSBC installa teknoloġija li taħdem permezz tal-vuċi fl-ATMs kollha tiegħu f’Malta u Għawdex. B’hekk, persuni nieqsa mid-dawl jistgħu faċilment jużaw dawn il-magni għall-esiġenzi bankarji tagħhom.
L-ATMs kollha għandhom audio jack fejn il-klijenti jistgħu jdaħħlu l-headset tagħhom biex jisimgħu l-istruzzjonijiet bil-Malti jew bl-Ingliż. Waqt li jkun qed isir dan, l-iscreen tal-ATM jintefa’ biex ikun żgurat li jkun hemm sigurtà u privatezza għall-klijent.
L-ATMs tal-HSBC li jitkellmu jinkludu servizzi ta’ ġbid u depożiti ta’ flus. Barra minn hekk, l-ATMs kollha tal-HSBC joffru l-għażla li tkabbar id-daqs tat-tipa li tidher fuq l-iscreen. Dan is-servizz hu utli ħafna għal persuni anzjani jew għal dawk li għandhom nuqqas ta’ vista.
It-tlestija ta’ dan il-proġett mifrux man-network kollu tal-HSBC hu konformi mal-impenn li l-Bank ħa fl-2016 meta organizza għadd ta’ sessjonijiet prattiċi biex juri lill-klijenti kif jistgħu jużaw din is-sistema. Dawn is-sessjonijiet kienu organizzati bil-ko-operazzjoni tal- Għaqda Maltija Persuni Neqsin mid-Dawl, Gozo Aid for the Visually Impaired, Torball Society of the Blind, u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabilità.