Il-Ġimgħa filgħodu l-poplu Brittaniku stenbaħ għall-ewwel darba f’sebgħin sena mingħajr ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni fit-tmun tal-pajjiż.
Dan seħħ fl-isfond ta’ ċirkostanzi storiċi fir-Renju Unit, ikkaratterizzati minn bidla tal-Prim Ministru u numru ta’ sfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż, fosthom kriżi tal-għoli tal-ħajja u oħra tal-enerġija.
Minkejja l-fatt li r-Reġina Eliżabetta ma kelliex rwol politiku biex tindirizza dawn l-isfidi, il-familji Brittaniċi kienu jħarsu lejha bħala simbolu ta’ stabbilità.
Il-Ġimgħa indaqqew bosta qniepen madwar il-pajjiż, u kien hemm ukoll numru ta’ ħwienet li għażlu ma jiftħux il-bibien tagħhom bħala sinjal ta’ luttu.
F’Londra l-atmosfera inħasset sew li kienet waħda differenti mis-soltu.Fost il-Maltin li bħalissa jinsabu Londra u li marru quddiem il-Palazz ta’ Buckingham mal-aħbar tal-mewt tar-Reġina kien hemm Sylvana Farrugia, Maltija li waslet ir-Renju Unit għal btala mal-familja tagħha lbieraħ stess.
Sylvana Farrugia spjegat lil One News dak li raw hi u l-familja tagħha l-Ħamis quddiem il-Palazz Buckingham, malli d-dinja saret taf li r-Reġina Eliżabetta kienet ħadet l-aħħar nifsijiet tagħha.
“Aktar tard waranofsinhar ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta u nofs, qisu, ta’ filgħaxija, stajna ninnutaw li l-bandiera niżlet meZZ’asta, u n-nies bdew ġejjin u jpoġġu l-bukketti tal-fjuri.”
Irrakkuntat kif, waqt li kienu qed jinġabru aktar nies u ġurnalisti quddiem il-Palazz, kien hemm mument sabiħ fl-isfond ta’ din it-telfa traġika u d-dieqa li bdiet taħkem lil Londra.
“Il-folla, b’mod spontanju, kantat ‘God Save the King’. In-nies f’daqqa waħda qishom irrealizzaw li dawn tilfu r-Reġina li tant kienet maħbuba tagħhom. Issa għandhom Re ġdid u b’mod spontanju nfexxew ikantaw l-innu ‘God Save the King’ u wkoll taw ċapċipa lir-Reġina.”
Sylvana Farrugia tkellmet ukoll fuq l-atmosfera tal-Ġimgħa filgħodu f’Londra. Hija nnutat l-imħabba li għandu l-poplu Brittaniku għall-mara li għal dawn l-aħħar sebgħin sena rat kull tip ta’ sfida jolqtu lil pajjiżha, waqt li mexxiet lil niesha b’kuraġġ.
“Dalgħodu l-atmosfera ma tantx inbidlet minn dik li kienet ilbieraħ filgħaxija, għax stajna ninnutaw li n-nies baqgħu ġejjin biex ipoġġu l-fjuri u kien hemm ukoll mumenti emozzjonanti fejn stajna naraw in-nies jgħannqu lil xulxin, qishom biex isabbru lil xulxin għat-telfa tar-Reġina tagħhom.”