Minn solitudni għal mument ta’ ferħ u għaqda.
Hekk tista’ tiddeskrivi l-atmosfera li kien hemm matul il-jum imqaddes tal-Milied fil-kurituri tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, li laqgħet mijiet ta’ nies li kienu se jispiċċaw waħedhom għall-ikla ta’ nofsinhar.
Iżda hekk kif dawn rifsu l-għatba tal-kurja, id-dwejjaq tas-solitudni nbidel f’ferħ grazzi għall-Caritas Malta.
ONE News kien preżenti fil-Kurja, fejn kien hemm Bernadette Briffa mill-Caritas, li kellha sehem fl-organizzazzjoni ta’ din l-ikla.
“Aħna din is-sena għamilna emfasi kbira li ħadd ma jibqa’ waħdu dan il-Milied, jiġifieri l-maġġoranza tan-nies li hawn huma nies li dan il-Milied kienu se jqattgħuh waħedhom, mhux bilfors għax ma kellhomx il-mezzi, għax kif qalli wieħed darba aħjar biċċa ħobż biż-żejt man-nies milli dundjan waħdi. Jiġifieri hawnhekk jista’ jkun hawn nies li kienu jaffordjaw jagħmlu ikla tal-Milied imma waħedhom, tant u hekk għandna persuna li għandha l-birthday illum.”
Parti mill-Kurja nbidlet ukoll fi kċina fejn ġie preparat l-ikel fil-platti biex jitqassam lil madwar 550 persuna li attendew.
Il-preparazzjoni kienet f’idejn bosta persuni li qed jattendu programmi tal-Caritas, li f’dan il-jum xammru l-kmiem biex huma wkoll ipoġġu tbissima fuq fomm bosta.
“Voluntiera hawn ’il fuq minn mija, għandna waħda mill-komunitajiet ta’ rijabilitazzjoni biex jaqdu llum, mhux biex jirċievu imma biex jagħtu, din ngħidulha l-pay back mentality, qegħdin hawnhekk illum fil-kċina u ħa jservu, din hija xi ħaġa sabiħa ta’ amalgamazzjoni ta’ nies li għandhom bżonn is-servizz, nies li qed jirċievuh imma qed iroddu xi ħaġa lura bħala apprezzament lis-soċjetà.”
Il-briju ma naqasx, hekk kif dawk preżenti qamu jiżfnu mal-kant u d-daqq tal-kitarri.
Intant, il-Caritas, permezz tad-Djakonija Parroċċi, kellha wkoll 85 voluntier li b’ħamsin karozza wasslu mitt ikla fid-djar ta’ dawk li ma setgħux joħorġu minn djarhom.
Min-naħa l-oħra, 170 persuna oħra ngħataw ikla friżata biex isajruha fi djarhom.
L-ikel kollu li tqassam ġie ffinanzjat minn The Alfred Mizzi Foundation.
Il-Prim Ministru Robert Abela żar u awgura l-festi t-tajba lil dawk li attendew għal din l-ikla fil-Kurja.