Il-pubbliku ma naqasx milli jattendi għall-Karnival tat-Tfal tas-Sibt, fejn eluf ta’ Maltin ta’ kull età mlew il-Belt b’kostumi kkuluriti u ta’ diversi karattri biex jaraw spettaklu ta’ żfin minn bosta kumpaniji kif ukoll karrijiet ta’ kull għamla, daqs u kulur.
Minn karattri uniċi bħal Freddie Mercury, Mario u Luigi, Naruto, u Lara Croft, sa kumpaniji tal-karnival bil-kostumi tagħhom, il-varjazzjoni ta’ kostumi kienet waħda vasta.
Il-qofol tal-Karnival tas-Sibt intlaħaq fi Pjazza San Ġorġ fejn bħal kull sena tittella’ l-isfilata. Kienu ħafna nies li mlew l-arena u segwew l-ispettaklu li tellgħu bosta kumpaniji.
L-ispettaklu mtella’ mill-ħaddiema taċ-ċentru ta’ matul il-jum ta’ Ħal Far fi ħdan l-Aġenzija Sapport ukoll seraq il-qlub bis-sehem ta’ persuni b’diżabbiltà li kellhom l-opportunità jesebixxu permezz ta’ żifna u karattri uniċi għal kull parteċipant f’kordinazzjoni eċċellenti.
Fost iż-żfin u l-kostumi fl-arena, spikka l-karru taż-żgħir Braydon, li għandu 6 snin fejn flimkien ma’ nannuh, ħolqu karru żgħir fuq il-karattru famuż ta’ Popeye.
Waqt li konna f’nofs dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, tkellimna ma’ diversi tfal preżenti fejn staqsejnihom x’libsu u xi jħobbu l-aktar mill-Karnival.
Għalkemm f’Novembru li għadda id-dilettanti tal-Karnival inħasdu bl-aħbar tal-mewt ta’ Pawlu Curmi magħruf aħjar bħala ‘l-Pampalun’, dan xorta spikka fil-Karnival ta’ din is-sena, permezz ta’ karru ddedikat għalih fejn il-figura tiegħu irrenjat fuq figuri oħrajn.
Il-Karnival se jibqa’ għaddej matul il-jiem tal-Ħadd u t-Tnejn, fejn imbagħad, fil-jum tat-Tlieta, jintlaħaq il-qofol bil-Gran Defilè fi Triq Sant’Anna fil-Furjana.