Thea Parnis Coleiro u Warren Zammit rebħu t-titlu ta’ Atleti tas-Sena mill-klabb tal-atletika lokali Rush AC fiċ-ċerimonja tradizzjonali li wasslet fi tmiemha sena ta’ suċċessi għall-klabb.
Parnis Coleiro rebħet dan l-unur wara numru ta’ prestazzjonijiet eċċellenti matul is-sena, fuq quddiemnett esperjenza indimentikabbli fil-Kampjonati Ewropej tat-Tfal tal-Atletika li saru f’Brno. Hemmhekk hija rebħet mhux biss il-midalja tad-deheb fis-60m sprint u l-fidda fil-long jump iżda ngħatat premju prestiġjuż magħrufa bħala Best Technical Achievement Award ta’ dawn il-Kampjonati fil-kategorija tagħha minkejja l-parteċipazzjoni ta’ numru kbir ta’ atleti internazzjonali tal-għola livell. Matul din is-sena Thea kienet ukoll mgħajta mat-Tim Nazzjonali tal-kbar, l-iżgħar atleta fil-grupp.
Min-naħa l-oħra, Warren Zammit kompla jikseb riżultati eċċellenti fil-kompetizzjonijiet li pparteċipa fihom biex saħħaħ postu bħala wieħed mill-aqwa sprinters f’Malta u element importanti fit-tim nazzjonali.
Waqt iċ-ċerimonja, li fiha ngħaqdu flimkien membri ġodda u antika tal-klabb flimkien ma’ familjari u ħbieb, ingħataw ukoll premjijiet tal-aqwa atleti fil-kategoriji rispettivi. Ir-rebbieħa huma Rachel Marie Galea u Luca Martini (Under 23), Zaida Pace u Kurt Zahra (U20), Elisa Cutajar, Kareem Chouhal u Isaac Bonnici (U18), Bianca Shoemake u Luca Gerada (U16), Cheziane Debattista u Owen Borg (U14) kif ukoll Leah Frendo u Kurt Ciantar (U12).
Il-President tal-Klabb Claudette Caruana qalet: “Matul is-sena l-atleti tagħna kisbu bosta riżultati inkoraġġanti fejn rebħu numru ta’ midalji fil-Kampjonati Nazzjonali u meetings oħra li saru matul is-sena. Li naraw l-atleti tagħna fuq il-podju barra minn pajjiżna jagħmilna mill-aktar kburin. Dan is-suċċess huwa frott ta’ impenn kontinwu ta’ uffiċjali, kowċis, atleti u l-familji tagħhom. Għalina huwa ta’ inkoraġġiment kbir li qed nagħtu kontribut biex l-atletika f’pajjiżna tikber u ġġib riżultati aktar tajbin. Aħna nħarsu ‘l quddiem biex nibnu fuq dan li għamilna matul is-sena li ġejja”.