Stefan Azzopardi u Josann Attard Pulis rebħu t-tieni edizzjoni tal-Intersport La Valette Marathon li saret il-Ħadd filgħodu. Mijiet ta’ atleti ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena li minn barra l-Maratona prinċipali fuq distanza ta’ 42 KM kien hemm ukoll in-Nofs Maratona, il-Walkathon flimkien mar-relays.
It-tluq kien minn Tas-Sliema, bil-parteċipanti għaddew tul il-kosta tal-Port, il-Belt Valletta, il-Kottonera, bit-tmiem kien ix-Xatt tal-Birgu.
Il-Maratonatal-Irġiel ġiet mirbuħa mill-atleta għawdxi Stefan Azzopardi li daħal l-ewwel f’ħin ta’ 2’39’14. Huwa kien segwit minn Matthew Xuereb u Ryan Farruġia.
Il-Maratona tan-Nisa intrebħet minn Josann Attard Pulis f’ħin ta’ 3’03.23. Hija kienet segwita minn Irena Smojver u Nicole Klingler rispettivament.
Luke Micallef rebaħ in-Nofs Maratona f’ħin ta’ 1’08’19. Segwew fl-ordni mill-atleta daniż Omar Hassan u l-malti Simon Spiteri.
Fin-Nofs Maratona tan-Nisa il-podju kienu kollu barrani. Ir-rebbieħa kienet l-awstrijaka Julia Mayer b’ħin ta’ 1’12’12. Hija kienet segwieta minn Jemima Farley u Kata Kovacs-Garami. Min-naħa tagħha Lisa Marie Bezzina kienet l-ewwel atleta maltija li daħlet l-ewwel fin-Nofs Maratona.
Fir-relay tal-Maratona ir-rebħa marret għand Sub 2’40 filwaqt lir-relay tan-Nofs Maratona ġiet mirbuħa minn La Salle.
Għall-Intersport La Valette Marathon ta’ din is-sena irreġistraw madwar elf atleta li 500 minnhom kienu barranin ġejjin minn 33 pajjiż differenti.