Simon Spiteri u Lisa Bezzina huma r-rebbieħa l-ġodda tal-Kampjonat Nazzjonali tal-10km wara li rebħu t-tellieqa fuq din id-distanza organizzata minn Athletics Malta madwar f’Ta’ Qali.
Spiteri rebaħ it-titlu tal-irġiel meta kiseb l-ewwel post f’tellieqa ddominata mir-riħ b’ħin ta’ 31:58. L-atleta ta’ St Patrick temm quddiem żewġ atleti ta’ Evolve Endurance Club, Aidan Tanti (32:13) u Charlton Debono (32:43).
Fost in-nisa, Lisa Bezzina (Pembroke) kisbet it-titlu li rebħet l-aħħar fl-2023, b’ħin ta’ 37:27, quddiem Rosalie Borg, ta’ Pembroke wkoll (38:47) u Josann Attard Pulis ta’ Blaze SC (39:51).
Billi din it-tellieqa kienet valida wkoll bħala l-ħames minn sitt tlielaq tal-Kampjonat Nazzjonali tar-Road Running, ir-rebħa ta’ Spiteri u n-nuqqas taż-żewġ atleti li ddominaw l-ewwel parti tal-istess kampjonat, Luke Micallef u Dillon Cassar, il-klassifika ġenerali issa nqalbet ta’ taħt fuq, bl-atleta ta’ St Patrick’s jitla’ fil-quċċata, quddiem l-istess Tanti u Debono.

Fost in-nisa, id-dominju ta’ Bezzina kien wieħed qawwi, tant li l-atleta ta’ Pembroke fadlilha rebħa waħda biex tkun ħadet sitt rebħiet minn sitta. Anke Borg u Attard Pulis jidhru li ma jistgħux ifallu mit-tieni u t-tielet post ġenerali.
Fil-Kampjonat tal-Klabbs, iż-żewġ atleti fuq il-podju f’Ta’ Qali għal Evolve għenu biex dan it-tim issa jitla’ f’ras-il klassifika, fejn qabżu lil Mellieħa, filwaqt li Żurrieq iddefendew it-tielet post. Fin-nisa, ir-rebħ tat-titlu għal Pembroke huwa prattikament ċert hekk kif għandhom vantaġġ kbir fuq Żurrieq.
L-aħħar tellieqa li se tagħlaq dan il-Kampjonat se tkun fuq distanza ta’ 5km, fis-16 ta’ Marzu, f’Ta’ Qali, li se sservi wkoll bħala l-Kampjonat Nazzjonali fuq l-istess distanza.
Riżultati tajbin għall-atleti Maltin bil-Kampjonati tal-Balkani
Iż-żewġ rappreżentanti Maltin fil-Kampjonati tal-Atletika tal-Balkani li saru f’Belgrad, Serbja fi tmiem il-ġimgħa kisbu riżultati tajbin waqt li kienu qed jikkompetu ma’ atleti ta’ livell għoli, l-aktar miċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa. Isaac Bonnici ħa sehem fit-800m u kiseb ħin stupend ta’ 1:55.55 li fisser rekord nazzjonali ġdid fil-kategoriji Under 20 u Under 23 indoor. Thea Parnis Coleiro ukoll kellha tellieqa tajba meta fis-60m sprint, kisbet ħin ta’ 7.80s, 0.03 sekondi biss bogħod mill-aqwa ħin personali tagħha fl-indoor.
(Photo Credit: James Azzopardi)