Shaun Galea u Joelle Cortis rebħu l-ewwel tellieqa tar-Road Running Series 2024 organizzata minn Athletics Malta. It-tellieqa fuq distanza ta’ 10 kilometri saret f’Marsaskala, f’għodwa ta’ xita u riħ qawwi, fuq rotta li ġiet ċertifikata riċentiment minn World Athletics.
Galea (Evolve Endurance Club) temm fl-ewwel post b’ħin ta’ 31:48 f’tellieqa tattika quddiem ir-rebbieħ tal-edizzjoni tas-sena li għaddiet, Dillon Cassar (Mellieħa AC – 31:55). Iż-żagħżugħ Gabriel Farrugia, ta’ Evolve wkoll, fl-ewwel tellieqa tiegħu bħala atleta Under 23, kiseb it-tielet post b’31:56. Din kienet tellieqa tattika eċitanti, bil-grupp ta’ quddiem jibqgħu qrib xulxin wara bidu ftit inqas veloċi mis-soltu, bil-pożizzjonijiet jiġu deċiżi proprju fl-aħħar kilometru.
Fost in-nisa, rebħa għal Joelle Cortis ta’ Mellieħa AC b’37:49, quddiem Roberta Schembri (Evolve – 38:14). Rosalie Borg ta’ Pembroke temmet it-tielet f’ħin ta’ 40:44.
Filwaqt li dawn l-atleti rispettivament jieħdu l-ewwel pożizzjonijiet fis-Serje wara din l-ewwel tellieqa, fil-kompetizzjoni tal-klabbs, Evolve Endurance Club jieħdu l-ewwel vantaġġ, quddiem Mellieħa AC, fiż-żewġ kategoriji, tal-irġiel u tan-nisa. Fl-irġiel, St. Patrick’s jinsabu t-tielet, b’seba’ klabbs jirreġistraw punti. La Salle Athletics jinsabu fit-tielet post fost in-nisa.
Ir-Road Running Series jirritorna fit-28 ta’ Jannar b’tellieqa oħra ta’ 10k, din id-darba f’Ta’ Qali.