Fil-Matthew Micallef St John Track il-Marsa fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet saru l-kampjonati nazzjonali tax-xitwa tal-atletika b’bosta riżultati sbieħ. B’rebħa konvinċenti fis-60m sprint fil-Kampjonati tax-Xitwa organizzati minn Athletics Malta, Carla Scicluna ta’ Pembroke kisbet post fil-Kampjonati Dinjija Indoor li se jsiru fis-Serbja x-xahar id-dieħel. Scicluna, li rrappreżentat lill-pajjiżna fl-Olimpjadi f’Tokjo, rebħet din it-tellieqa b’ħin ta’ 7.67s.
Fost l-irġiel, rebħa għal Luke Bezzina f’tellieqa kumbattuta maż-żagħżugħ emerġenti Beppe Grillo b’7.06s u 7.08s rispettivament.
Il-Kampjonati tax-Xitwa wasslu wkoll għal rekord nazzjonali ġdid, b’qabża spettakolari ta’ 4.35m fil-pole vault għal Nicolai Bonello ta’ La Salle. Peppijna Dalli ta’ Pembroke Athleta rebħet il-kompetizzjoni tan-nisa b’qabża ta’ 3.60m.
Bradley Mifsud u Luke Farrugia se jkunu qed ixejru l-bandiera Maltija fil-Kampjonati Ewropej tat-Tfigħ (European Throwing Cup) fil-Portugall wara wirja mill-aqwa fil-Kampjonati tax-Xitwa fil-Marsa fi tmiem il-ġimgħa. Huma kienu mifruda biss b’żewġ metri fid-discus, b’Mifsud ta’ Pembroke jegħleb lil Farrugia ta’ Rush b’51.50m għal 49.60m, riżultat li jikkwalifka lit-tnejn. Mifsud iċċelebra tripletta mill-aqwa meta rebaħ ukoll ix-shot-put u l-javelin. Magħhom se jingħaqdu Mireya Cassar, li l-ġimgħa li għaddiet kisret ir-rekord nazzjonali fil-hammer throw u Luca Martini li ilu jiddomina x-xena lokali f’din id-dixxiplina għal numru ta’ snin.
Jenny Pace Hickey, eks-atleta Olimpika u eks-detentriċi ta’ rekord, waddbet 22.12m fid-dixxiplina preferita tagħha, il-javelin, u kisret ir-rekord tal-kategorija W60 fid-discus b’tefa’ ta’ 23.39m.
Janet Richard ta’ Pembroke AC rebħet it-300m bl-aqwa ħin tagħha ta’ 39.24s. Fost l-irġiel, rebħa għal Matthew Galea Soler ta’ La Salle b’ħin b’saħħu ta’ 35.32s.
Żurrieq Wolves iddominaw fid-distanzi medji bi tliet rebħiet minn erbgħa. Jean Paul Debono rebaħ l-1000m irġiel f’2:34.11 – l-aqwa ħin personali għalih, filwaqt li fin-nisa, l-atleta Mireya Bugeja, li għadha fil-kategorija tal-Under 16, rebħet f’ħin ta’ 3:04.20 u waqqfet rekord ġdid għall-kategorija tagħha.
Michela Caruana rebħet is-600m b’ħin ta’ 1:37.55, li wkoll kien l-aqwa ħin għaliha. Id-dominju ta’ Żurrieq fid-distanzji medji twaqqaf biss minn Christian Luke Chetcuti ta’ Pembroke Athleta, li fuq din id-distanza rebaħ b’mod konvinċenti b’ħin ta’ 1:21.80. Isaac Bonnici ta’ Rush spiċċa t-tieni, b’ħin ta’ 1:25.48 li huwa rekord fil-kategorija.
Dillon Cassar ta’ Mellieħa AC kompla jiddomina fl-itwal distanzi, b’rebħa fil-5000m f’ħin ta’ 14:52.46, quddiem Gabriel Farrugia. Roberta Schembri ħadet l-unur tal-iktar mara veloċi fl-itwal distanza fil-Pellikola, b’PB ta’ 17:34.85 fuq 5000m.
Jeremy Zammit (7.42m) u Claire Azzopardi (5.75m) rebħu l-unuri fil-long jump.
L-istaġun tal-atletika lokali issa jgħaddi mit-trakka għat-triq bil-Kampjonati Nazzjonali tal-5km li se jsiru Ħal Far.