Bidu mill-aqwa għall-istaġun tal-atletika Maltija b’rekord nazzjonali ġdid proprju fl-ewwel avveniment li sar fl-Istadium Matthew Micallef St John fil-Marsa. Dan hekk kif Bradley Mifsud ta’ Pembroke kiser ir-rekord nazzjonali tad-discus b’tefa’ ta’ 53.80m, aktar minn metru iktar mir-rekord preċedenti li huwa stess kien kiser is-Sajf li għadda.
Dan ir-riżultat inkiseb waqt meeting tal-atletika organizzat mill-klabb lokali Rush AC, li għaliħ kien hemm parteċipazzjoni sabiħa ta’ aktar minn 230 atleta mill-klabbs differenti tal-atletika ta’ pajjiżna.
Barra mir-rekord straordinarju ta’ Mifsud, fil-Marsa nkisru wkoll għadd ta’ rekords fil-kategoriji tal-etajiet differenti. Matthew Azzopardi ta’ La Salle kiser ir-rekord ta’ taħt is-16-il sena fis-600m b’ħin ta’ 1:28.05 filwaqt li Isaac Bonnici ta’ Rush AC fuq l-istess distanza stabbilixxa l-aqwa ħin qatt reġistrat minn atleta Malti ta’ taħt l-20 u taħt it-18-il sena, dak ta’ 1.24.11.
Suċċess ukoll għaż-żgħażugħa ta’ Rush AC Bianca Shoemake li kisret ir-rekord ta’ taħt is-16-il sena fit-300 metru hurdles fejn irnexxilha tidħol għall-ewwel darba taħt il-50 sekonda (49.92).
Iżda fl-ewwel meeting tas-sena ma kienux biss iż-żgħażagħ li kitbu isimhom fil-kotba tal-istorja hekk kif David Bezzina ta’ St. Patrick’s stabbilixxa rekord ġdid għall-kategorija Over 40 meta kiseb ħin ta’ 1.35.23 fis-600m.
Barra dawn ir-rekords, kien hemm għadd ta’ ħinijiet promettenti li jawguraw tajjeb għal bqija tal-istaġun. Fost l-oħrajn, Luke Bezzina ta’ Pembroke Athleta rebaħ is-60m Open f’ħin ta’ 7.03 sekondi filwaqt li Kay Testa wkoll ta’ Pembroke rebħet it-300m f’ħin tajjeb ħafna ta’ 40.94s.
Ġurnata bla dubju memorabbli għal Thea Parnis Coleiro, b’din iż-żagħżugħa promettenti tikseb tripletta b’rebħiet fis-60m (7.90s), fit-300m (42.29s) u fil-long jump (5.30m).
Ir-riżultati miksuba f’dan l-avveniment li jiftaħ is-sena kalendarja, li issa wasal fit-tieni edizzjoni tiegħu, jawgura tajjeb għall-kumplament tal-istaġun tal-atletika Maltija b’tant atleti Maltin juru diġà forma tajba ħafna minkejja l-fażi tant bikrija tas-sena.