It-tellieqa tal-400m hurdles kienet ċertament l-aktar waħda li ġibdet l-attenzjoni fiċ-Challenge Meeting 3 organizzat minn Athletics Malta fit-trakka tal-Marsa fi tmiem il-ġimgħa. Dan hekk kif Jordan Pace, atleta ta’ Savio, kiseb rekord nazzjonali impressonanti b’ħin ta’ 54.68s, biex b’hekk għeleb ir-rekord preċedenti miksub minn Daniel Saliba, 55.53s, li jmur lura għall-2017. Għal Pace, atleta ta’ 19-il sena, dan ifisser ukoll rekord fil-kategorija Under 23.
Il-pass ta’ din it-tellieqa tant kien wieħed veloċi li anke l-atleta li temm fit-tieni post, Benjamin Salnitro (La Salle), li għadu fl-ewwel sena tiegħu bħala atleta Under 20, ukoll niżel taħt il-ħin tar-rekord nazzjonali l-antik, hekk kif temm f’55.19s. B’dawn il-ħinijiet b’saħħithom, iż-żewġ atleti kisbu l-istandards minimi meħtieġa (MQS) għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ġejjin.
F’ġurnata impenjattiva fit-trakka tal-Marsa, kien hemm bosta prestazzjonijiet tajbin, b’mod partikolari mill-atleti żgħażagħ.
Mireya Bugeja ta’ Żurrieq kompliet tibni fuq staġun verament b’saħħtu meta rebħet it-800m f’2:10.46, rekord għall-kategoriji Under 20 u Under 23.
L-atleta ta’ Pembroke Michael Debattista Segond waqqaf rekord ġdid fil-kaegorija Under 20 fuq distanza ta’ 1500m f’ħin ta’ 3:57.48, fejn huwa temm fit-tieni post, wara Jean Paul Debono ta’ Żurrieq Ii ħareġ rebbieħ b’. 3:56.84.
Finalment, Thea Parnis Coleiro ta’ Rush AC, rebħet it-tellieqa tal-200m b’24.75s, quddiem l-isprinter ta’ esperjenza Claire Azzopardi (25.40s), ħin li fisser ukoll rekord fil-kategorija Under 18.