Il-bidu tas-Sajf fisser sensiela ta’ attivitajiet internazzjonali għall-atletika Maltija b’esperjenza importanti miksuba waqt kompetizzjonijiet li ġabru fihom l-aqwa talent mill-Ewropa u lil hinn.
Filwaqt li disa’ atleti elite pparteċipaw fil-Logħob tal-Mediterran f’Oran, l-Alġerija, tliet żgħażagħ promettenti Maltin ħadu sehem fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-18-il sena f’Ġerusalemm, Iżrael. Matthew Galea Soler kiseb riżultat eċċellenti meta rnexxilu jgħaddi għall-finali b’ħin ta’ 49.06s, rekord nazzjonali kemm għall-kategorija tiegħu, dik ta’ taħt it-18-il sena, iżda wkoll ta’ taħt l-20 sena. Ta’ min jinnota li għal Galea Soler din għadha l-ewwel sena tiegħu fil-kategorija U18. Nicolai Bonello, frisk minn rekord nazzjonali ġdid fil-pole vault u Michela Caruana (800m) ukoll kisbu prestazzjonijiet b’saħħithom fl-avvenimenti rispettivi.
F’naħa totalment differenti tal-kontinent, preċiżament f’Tampere, Finlandja, suċċess għad-duo ta’ esperjenza Antonella u Rachid Chouhal fil-Kampjonat Dinji tal-Masters. Għal Rachid, atleta ta’ 47 sena, il-konsistenza fil-qbiż baqgħat waħda notevoli, fejn huwa kiseb midalja tal-fidda fil-long jump. Il-qabża tiegħu ta’ 6.57m kienet ċentimetru biss bogħod mir-rebbieħ Amerikan, u rnexxilu jegħleb atleti bħal Ġamajkan James Beckford, rebbieħ ta’ għadd ta’ midalji f’kompetizzjonijiet Olimpiċi u dinjija. Huwa mar tajjeb anke fl-isprint tal-100m fejn għadda għall-finali.
Min-naħa tagħha, Antonella Chouhal kisbet midalja internazzjonali oħra, bronż fil-weight throw. Tefgħa ta’ 13.83m li għaliha fisser personal best u rekord nazzjonali ġdid. Hija waslet ukoll fil-finali tal-hammer throw.
L-attenzjoni tal-isport tal-atletika issa terġa’ lura f’pajjiżna hekk kif Athletics Malta se tkun qed torganizza l-Kampjonat Nazzjonali fi tmiem din il-ġimgħa fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa.