L-atleta żagħżugħ Nicolai Bonello kompla jikser ir-rekords nazzjonali tal-Pole Vault hekk is-sibt wara nofs-in nhar fil-Matthew Micallef St John Athletics Track tejjeb ir-rekords tiegħu stess li kienu ġew miksura ġimgħa biss ilu.
Minkejja r-riħ qawwi li għamel, Bonello għamel żewġ qabżiet rekord ġodda.
Huwa beda billi għamel qabża ta’ 4.62 metri, li b’hekk kienet aħjar mir-rekord preċedenti ta’ 4.61 metri imwaqqaf ġimgħa ilu.
Huwa saħansitra reġa tejjeb dan ir-rekord meta ftit ħin wara għamel qabża rekord ġdida ta’ 4.65 metri.
Dawn ir-riżultati jkomplu jikkonfermaw il-potenzjal kbir li għandu dan l-atleta żagħżugħ f’din id-dixxiploina.
Intant dejjem fi tmiem il-ġimgħa, Bianca Shoemake waqqfet rekord nazzjonali ġdid fil-kategorija U18 tal-Hammer Throw meta għamlet tefa’ ta’ 56.37 metri.
Min-naħa tiegħu Isaac Bonnici waqqaf rekord nazzjonali ġdid U20 & U23 u anke Seniors meta ġera d-distanza ta’ 600 metru f’ħin ta’ minuta 21.05 sekondi.
Suċċess ukoll għal Graham Pellegrini li waqt li kien impenjat fil-Balkan Indoor Championships f’Istanbul it-Turkija waqqaf rekord nazzjonali tal-400 metru Indoor. Pellegrini kellu ħin ta’ 47.55sekondi, li huwa rekord nazzjonali Seniors & U23.