Għar-raba’ sena, Malta se torganizzal-EAP Malta International tal-Atletika. Din se ssir għal darb’oħra fuq inizjattiva tal-klabb ta’ Pembroke Athleta li kien issieħeb fl-EAP f’Novembru 2018 u wara li kellha tiġi kkanċellata edizzjoni waħda minħabba l-pandemija, issa wasalna għar-raba edizzjoni tal-EAP Malta International. Din se ssir nhar is-Sibt 8 ta’ Lulju 2023 fl-iStejdjum tal-Atletika fil-Marsa.
L-EAP (European Athletics Promotion) Circuit, huwa serje ta’ kompetizzjonijiet tal-atletika madwar l-Ewropa, organizzati minn membri msieħbin fl-EAP. Din l-edizzjoni ser tara l-parteċipazzjoni ta’ ‘l fuq minn 220 Atleti u Coaches, fosthom aktar minn 90 atleti Maltin. Total ta’ 7 Delegazzjonijiet Membri fl-EAP, bi ftit inqas minn 30 atleta u uffiċċjal ser ikunu fostna din il-ġimgħa.
Xejn inqas minn 24 pajjiż (fosthom Malta) ser ikunu rappreżentati f’din l-Edizzjoni, u dawn mhux ser ikunu ġejjin biss minn pajjiżi ġirien, iżda saħansitra ser ikollna atleti minn kontinenti mbiegħdin bħall-Awstralja, l-Afrika u l-Amerika t’isfel.
Numru sabiħ ta’ tiġrijiet u kompetizzjonijiet tal-qbiż ser ikun ta’ attrazzjoni kbira u ferm kumbattuti, għaliex fihom ser jieħdu sehem numru ta’ atleti ta’ livell li forsi s’issa ftit rajna bħalhom f’pajjiżna. Principalment nirreferu għal-grupp ta’ atleti Awstraljani li bħalissa qegħdin fl-Ewropa bil-preparazzjonijiet tagħhom għall-Kampjonati Mondjali tal-atletika, atleti mir-Repubblika Ċeka u mill-Irlanda. Biex insemmu fit ewlenin fosthom Samantha Dale, Ella Connolly u Christopher Mitrewksi (Aus) u Tomas Nemejc (Cze)
Ma dawn ma nistgħux ma nsemmux atleti Maltin li dan l-aħħar iddistingwew ruħhom u li żgur ser ikunu fost il-protagonisti. Nirreferu b’mod partikolari għal Janet Richard, Jeremy Zammit, Graham Pellegrini, u Claire Azzoparid.
Nhar is- Sibt li ġej EAP Malta International ser ikun kompost minn 9 ‘Events’ tal-irġiel, 7 tan-nisa, u 4 u 3 ‘Events’ taż-żgħażagħ subien u bniet rispettivament.
Għaldaqsant il-Pubbliku Sportiv huwa mistieden jattendi MINGĦAJR ĦLAS u jassisti għal dan l-ispettaklu u s’intendi jagħti l-appoġġ tiegħu lill-atleti.
Fl-2023 b’kollox ser ikunu saru 14 il-Meeting f-9 pajjiżi Ewropej. F’dawn il-kompetizzjonijiet l-organizzaturi jistiednu atleti ta’ membri msieħbin fl-EAP sabiex jipparteċipaw fuq bażi reċiproka. Għaldaqstant atleti tal-Klabb ta’ Pembroke Athleta, kull sena jkollom numru ta’ opportunitajiet sabiex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet barra minn Malta, fejn ħafna drabi jkollom ukoll l-ispejjeż koperti.
Li hemm tajjeb ukoll huwa l-fatt li minbarra atleti tal-membri msieħbin fl-EAP, f’dawn il-kompetizzjonijiet jista jipparteċipa kwalunkwe atleta ieħor. Ghalhekk, ħafna drabi l-livell tekniku tal-kompetizzjoni jkun wieħed għoli u li jagħti esperjenza ferm siewja lill-atleti tagħna, li forsi mingħajr dawn l-opportunitajiet kien ikollhom, jew ifittxu fejn jistgħu isiefru u jħallsu mijiet ta’ ewro biex jiksbu tali esperjenza, jew ikollhom jibqgħu ġimgħa wara ġimgħa jikkompetu kontra l-istess atleti lokali, li ovvjament ma tantx tgħin biex wieħed jista jgħolli l-livell tiegħu.
Tajjeb li wieħed jgħid li din is-sena ser inkunu qbiżna l-100 parteċipazzjoni ta’atleti mill-klabb tagħna barra minn xtutna. U wara l-edizzjoni ta’ din is-sena ser inkunu ġibna lejn Malta madwar 300 atleta u aktar minn 40 uffiċċjali barranin.
WACT Challenger Meeting
L-EAP MALTA INTERNATIONAL baqa’ jogħla f’dak li huwa livell tekniku sena wara sena. U kif forsi ħafna segwew, din is-sena dan l-avveniment issa ingħata Status ta’ WORLD ATHLETICS CONTINENTAL TOUR (WACT) – CHALLENGER MEETING u qiegħed inkluż fil-kalendarju tal-World Athletics.
Dan ifisser illi EAP Malta qed jikber fl-istatura u qed jibda jkun imfittex minn atleti ta’ livell għola u li jkunu qed jaspiraw li jikkwalifikaw għal kompetizzjonijiet internazzjonali maġġuri, peress li l-Meeting ta’ Malta issa qed joffrilhom l-opportunita’ li jiksbu numru ta’ ‘Ranking Points” li jkunu jistgħu jgħinuhom jagħmlu dan.
Ma’ dawn ovvjament ikollna l-parteċipazzjoni ta’ atleti minn delegazzjonijiet ta’ membri msieħba fl-EAP li l-klabb ta’ Pembroke huwa obbligat li jospita.
Fuq bażi lokali, EAP Malta joffri l-opportunita’ li atleta jipparteċipa f’kompetizzjoni internazzjonali, mhux biss lill-Membri tiegħu, imma l-atleti Maltin kollha jiġu offruti din l-opportunita’ mingħajr ma jkollom għalfejn jidħlu fi spejjeż ta’ safar u akkommodazzjoni.
Kontibuturi
Dan l-avveniment seta’ jsir grazzi għal diversi kontributuri. Il-kontributuri ewlenin huma SportMalta, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Atletika, li sa mill-ewwel ġurnata li aħna ressaqna l-ħsibijiet tagħna li nidħlu għal dan il-proġett, feħmu l-benefiċċju li kemm l-Sport Malti kif ukoll it-Turiżmu Sportiv kienu ser igawdu minnu, u aċċettaw li jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom.
Fil-konferenza ta’ dalgħodu tkellem fist oħrajn is-Sur Mark Cutajar, CEO ta’ SportMalta. Is-sur Cutajar qal li bħalissa l-isport Malti u partikolarment l-atletika, ghaddej minn mumenti eċċitanti. Is-uċċess li tim Malta kiseb fil-logħob tal-pajjiżi żgħar ta prova li meta r-riżorsi tagħna ngħaqqduhom flimkien, u kullħadd ikun parti minn tim wieħed, is-suċċess jiġi. Huwa mportanti li dan il-‘Momentum’ inkompluh u Meeting tal-Atletika bħal EAP Malta jgħin mhux ftit lill-atleti tagħna u appellalhom biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet u ikomplu jahdmu sabiex jiħqu tragwardi aktar għoljin.
Is-Sur Cutajar spiċċa d-diskors tiegħu billi qal li SportMalta tilqa inizzjattivi bħal din u tibqa twiegħed l-appoġġ fejn tara li dawn l-inizzjattivi isru bis-serjeta’ u li jkunu ta’ benefiċċju għall-isport Malti.
L-Atleta Janet Richard ukoll indirizzat il-konferenza stampa u qalet li tħossa eċċitata li ser ikolla l-opportunita’ li tikkompeti kontra atleti barranin li jistgħu jgħinuha tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha. Tinsab eċċitata wkoll għall fatt li ser jiġu atleti anke ta’ livell mondjali. Hija tinsab konvinta li bħas-snin imgħoddija dan l-avvniment ser ikun organizzat tajjeb ħafna u ser ikompli jikber fl-istatura tiegħu. Finalment appellat lil-pubbliku sportiv sabiex jattendi u jagħti l-appoġġ tiegħu.