Riżultati eċċellenti għall-atleti Maltin fil-Kampjonat tal-Balkani fil-Montenegro. Fin-Nofs Maratona, Luke Micallef spiċċa fit-tieni post tal-klassifika ġenerali, f’tellieqa mirbuħa mill-atleta Albaniż David Nikolli u quddiem atleta b’saħħtu mit-Turkija, Bahattin Uney. Micallef irreġistra ħin ta siegħa, 10 minuti u 41 sekonda f’rotta iebsa f’altitudni ta’ aktar minn 650m. B’hekk Micallef kiseb il-midalja tal-fidda għall-pajjiżna f’dan il-kampjonat prestiġjuż li jiġbor fih pajjiżi mill-Balkani u l-Lvant tal-Ewropa, u filfatt kienet l-ewwel midalja qatt miksuba minn Malta f’dan il-livell.
Fin-nisa, riżultat tajjeb ukoll għal Lisa Bezzina li temmet fir-raba’ post fil-klassifika ġenerali, u l-ewwel atleta fil-kategorija ta’ aktar minn 40 sena. Hija temmet f’ħin ta’ siegħa, 31 minuta u 17-il sekonda f’tellieqa li wkoll rat rebbieħa mill-Albanija, din id-darba Luiza Gega.