Midalja oħra tad-deheb għal Malta waqt il-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li għaddejjin fil-Matthew Micallef St John Track il-Marsa.
Dan hekk kif Claire Azzopardi rebħet il-midalja tad-deheb fil-Long Jump tan-Nisa. Azzopardi wriet il-qawwa tagħha f’din id-dixxiplina u kienet fi klassi għaliha. L-aħjar qabża tagħha kienet ta’ 6.21m, li kien l-aħjar riżultat personali. Azzopardi kienet segwita minn Irma Gunnarsdottir tal-Islanda b’qabża ta’ 5.96m u Pantelitsa Charalambous ta’ Ċipru b’qabża ta’ 5.93m.
Min-naħa tiegħu Dillon Cassar rebaħ il-midalja tal-bronż fil-5,000 metru. Huwa daħal it-tielet f’ħin ta’ 14-il minuta 45 sekonda.13, li huwa l-aħjar ħin ta’ dan l=istaħun għal atleta malti.
Fl-ewwel post daħal Dario Ivanovski tal-Maċedonja ta’ Fuq filwaqt li Maxim Rileanu tal-Moldova daħal fit-tieni post wara taqtiegħa ħarxa mal-atleta malti.
U midalja oħra tal-bronż ġiet mirbuħa minn Roberta Schembri fil-finali tal-5,000 metru tan-Nisa. Finali li ġiet mirbuħa minn Lilia Fisikovic tal-Moldova f’ħin ta’ 16-il minuta 42 sekondi.11. Kien hemm taqtiegħa ħarxa bejn tliet atleti għat -tieni u t-tielet post. Finalment Iris Skuladottir tal-Islanda daħlet it-tieni filwaqt li l-atleta tar-Repubblika tal-Vatikan Sara Carnicelli spiċċat fit-tielet post. Peress li din tal-aħħar kienet qed tikkompeti bħala mistiedna u mhux fuq bażi kompetittiva, il-bronż mar għand il-maltija Roberta Schembri.