Beppe Grillo u Janet Richard kienu premjati bħala l-atleti tas-sena f’ċerimonja organizzata minn Athletics Malta, bil-federazzjoni tirrikonoxxi wkoll l-aqwa atleti fil-kategoriji tal-etajiet differenti.
Ir-rebħa ta’ Grillo tasal mingħajr ebda sorpriża wara sena ta’ suċċessi, b’bosta titli f’pajjiżna u prestazzjoni storika f’Iżmir, fit-Turkija, meta waqt il-Kampjonati tal-Balkani huwa kiser ir-rekord nazzjonali tal-100 metru, b’ħin ta’ 10.23 sekondi. Rekord li nkiser wara aktar minn għaxar snin u li fisser ukoll midalja tal-bronż għal Malta f’dan l-avveniment. L-atleta rrappreżenta wkoll lil pajjiżna fl-Olimpjadi tas-Sajf li għadda f’Pariġi, fejn ġera l-100 metru f’10.69 sekondi.
Għal Janet Richard, din kienet il-ħames darba li rebħet dan it-titlu prestiġjuż biex bla dubju għandha post fl-istorja tal-atletika Maltija. Din is-sena, Richard irrappreżentat lil pajjiżna fil-Kampjonati Ewropej f’Ruma fejn ġriet it-800m f’2’04’34. Għal darb’oħra, hija kisbet midalji għal Malta, din id-darba waqt il-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Ġibilta’. Hija rebħet il-fidda fl-400m u kienet parti mit-tim tar-relay li rebaħ id-deheb.
Ir-rebbieħa l-oħra fil-kategorija seniors kienu Claire Azzopardi u Omar El Aida Chaffey (Sprints), Rebecca Sare u Armani James (Qbiż) Bradley Mifsud u Antonella Chouhal (Tfigħ), Luke Micallef u Rosalie Cauchi (Hurdles/Steeplechase), Jared Micallef u Janet Richard (Distanza Medja) kif ukoll Jordan Gusman u Gina McNamara (Distanzi Twal).
Antonella Chouhal u Charles Cilia rebħu t-titlu ta’ Atleta tas-Sena fil-kategorija Masters. Għal Chouhal, fost bosta suċċessi, prestazzjoni ta’ 46.05m fil-hammer throw, filwaqt li Cilia kiseb ħin prestiġjuż ta’ 16:17 f’tellieqa ta’ 5km fit-triq, riżultat impressjonanti għal atleta li jikkompeti fil-kategorija Over 55.
L-assoċjazzjoni tal-atletika preżentat ukoll premijiet lir-rebbieħa tal-kategoriji tal-etajiet minn Under 14 sal-Under 23.