Beppe Grillo u Claire Azzopardi kisbu l-ewwel titlu ewlieni tal-istaġun meta rebħu s-60m sprint waqt il-Kampjonati tax-Xitwa ta’ Athletics Malta fil-Marsa.
L-iqsar tellieqa fit-trakka kienet ferm popolari din is-sena, b’akar minn 90 atleta jikkompetu biex mill-heats waslu sal-finali. Fost l-irġiel, Grillo (Pembroke Athleta) rebaħ id-deheb f’ħin ta’ 6.86s quddiem Jacob El Aida Chaffey ta’ Żurrieq (7.07s) u Kurt Zahra (Rush AC) b’7.19.
It-tellieqa tan-nisa kienet ferm eċitanti bi Claire Azzopardi ta’ Pembroke tirbaħ f’ħin ta’ 7.75s, 0.02s biss quddiem Thea Parnis Coleiro ta’ Rush, b’Alessia Cristina t-tielet f’8.05s.
Parnis Coleiro kellha xorta l-mument tagħha fuq l-ogħla post tal-podju meta rebħet it-300m f’40.66s aktar tard. Fost l-irġiel, f’din id-distanza, Graham Pellegrini ta’ Pembroke ma ddiżappuntax meta rebaħ f’35.16s, iżda Nick Bonett, mill-istess tim, tah sfida denja sal-aħħar.
L-atleta tas-sena, Janet Richard, bdiet is-sena l-ġdida fejn ħalliet b’rebħa dominanti fis-600m, fejn temment b’ħin ta’ 1:31.43. Fit-tieni post, Mireya Bugeja, kellha ħin ta’ 1:34.70, li fisser rekord nazzjonali fil-kategoriji Under 20 u 23. Fl-istess distanza, Isaac Bonnici ddomina b’ħin veloċi ta’ 1:21.04 quddiem Luke Camilleri, it-tieni, b’ħin ferm rispettabbli ta’ 1:25.19.
L-1000m kienet taqtigħa sal-aħħar nifs b’Michael Debattista Segond jirbaħ f’2:34.40, nofs sekonda quddiem Jean Paul Debono. F’din it-tellieqa, prestazzjoni mill-aqwa għaż-żagħżugħ Matteo Gauci, atleta ta’ La Salle, li b’2:42.93 kiseb l-aqwa ħin Malti fil-kategorija Under 16.
Barra mit-trakka, prestazzjoni solida minn Mireya Cassar li rnexxilha tmiss il-50m fit-tfigħ tal-hammer fil-kategorija tal-kbar, filwaqt li Bianca Shoemake kompliet bil-progress tagħha f’din id-dixxipplina meta waddbet 53.59m fil-kategorija tat-3kg.
Fil-long jump, Romeo Flavio ta’ Żurrieq rebaħ fost l-irġiel b’qabża ta’ 6.39m, filwaqt li Thea Parnis Coleiro rebħet it-tielet midalja personali b’5.24m.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/10102753/11-1-1024x782.jpg)