L-atleta Beppe Grillo waqqaf rekord nazzjonali ġdid fil-100m meta ġera f’ħin ta’ 10.23s. Grillo għamel dan waqt il-Kampjonat tal-Atletika tal-Balkani f’Izmir it-Turkija. Huwa b’hekk kiser ir-rekord ta’ Kevin Moore (10.49s) li min-naħa tiegħu kien waqqaf fl-2014.
L-atleta ta’ 21 sena kiser ir-rekord nazzjonali darbtejn fl-istess ġurnata. Fis-semi finali għamel ħin rekord ta’ 10.47s biex b’hekk għadda għall-finali. Huwa saħansitra reġa’ tejjeb dan il-ħin fil-finali meta għamel il-ħin ta’ 10.23s.
Fil-finali Grillo spiċċa fit-tielet post biex rebaħ il-midalja tal-bronż.
Intant fl-istess kampjonat tal-Balkani ġie rreġistrat rekord nazzjonali ieħor, din id-darba fl-4x100m relay tal-irġiel.
Luke Bezzina, Beppe Grillo, Graham Pellegrini u Jacob Elaida Chaffey kellhom ħin rekord nazzjonali ġdid ta’ 40.57s 4x100m. Ir-rekord ta’ qabel kien ta’ 40.63 imwaqqaf waqt il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ta’ Andorra fl-2005.