L-iSprinters Beppe Grillo u Carla Scicluna se jkunu qed ixejru l-bandiera Maltija waqt il-Kampjonati Ewropej Indoor f’Istanbul wara żewġ prestazzjonijiet superlattivi fuq id-distanza tas-60m. Scicluna (Pembroke) rebħet b’ħin ta’ 7.58s, quddiem Thea Parnis Coleiro ta’ Rush AC li kkonfermat postha bħala l-aqwa sprinter taħt is-16-il sena. Kif mistenni, it-tellieqa tal-irġiel kienet waħda ferm missielta b’Grillo jidħol l-ewwel f’6.89s, rekord nazzjonali Under 23 ġdid, 0.02 sekondi biss quddiem Luke Bezzina (Pembroke AC). Jacob El Aida Chaffey (Blaze AC) daħal it-tielet b’ħin ta’6.98s.
Il-Kampjonati tax-Xitwa li saru fl-Istadium tal-Marsa fissru sensiela ta’ riżultati pożittivi speċjalment mill-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ atleti, bil-parti l-kbira tat-tlielaq jipproduċu rekords nazzjonali jew ta’ kategorija.
Kompla l-mument tad-deheb għal Kyla Farrugia meta kisbet it-tielet rekord Under 23 f’inqas minn xahar, din id-darba f’distanza ta’ 3000m, b’ħin ta’ 10:43.76, li permezz tiegħu l-atleta ta’ St Patrick’s kisbet it-tieni post wara l-atleta ta’ esperjenza Mona Lisa Camilleri (AS Libertas) li rebħet it-tellieqa f’10:38.09. Il-kompetizzjoni tal-irġiel kienet dominate mill-bidu sall-aħħar minn Dillon Cassar ta’Mellieħa AC f’ħin ta’ 8:36.10 minkejja r-riħ qawwi f’dawk il-ħinijiet.
Bianca Shoemake ta’ Rush AC kellha ġurnata li tibqa’ tiftakar b’tliet kisbiet importanti f’dixxiplini differenti. Hija kisbet rekord ġdid fis-60m hurdles u dawk tat-300m hurdles. Fil-każ tat-300mh il-ħin tagħha saħansitra għeleb ir-rekords fil-livelli kollha – dak Open, U23, U20, U18 u U16. Bejn dawn iż-żewġ tlielaq, hija rebħet ukoll il-hammer throw.
Graham Pellegrini ta’ Pembroke kiser ir-rekord Under 20 fuq 30m f’ħin ta’ 34.42s. Din it-tellieqa fissret ritorn fuq l-isprints it-twal għal Steve Camilleri (Pembroke AC) wara nuqqas ta’ 14-il sena, b’ħin inkoraġġanti ta’ 35.57s. Kif mistenni, Janet Richard (Pembroke AC) iddominat it-tellieqa tan-nisa b’ħin ta’ 39.28s segwita minn Kay Testa (Pembroke AC) u Martha Spiteri (Żurrieq Wolves) b’40.92s u 41.16s rispettivament.
Michael Debattista (Pembroke AC) seraq ix-xena fl-1000m open tal-irġiel, meta l-ħin tiegħu ta’ 2:39.03 kiser xejn inqas minn tliet kategoriji ta’ rekords, preċiżament l-U18, U20 u U23.
It-tellieqa ta’ 600m ukoll kienet waħda eċitanti bi tmiem drammatiku meta Luke Camilleri (Pembroke AC) daħal f’ħin ta’ 1:21.99 b’Christian Luke Chetcuti (Pembroke AC) jidħol inqas minn sekonda warajh f’ 1:22.78. Fost it-tfajliet, Michela Caruana ġriet ħin ta’ 1:37.12, rekord fl-U20 u U23.
Photo Credit: Victor Camilleri