Aktar minn 300 atleta u kowċ internazzjonali minn 17-il pajjiż Ewropej se jkunu f’Malta f’Ġunju biex jieħdu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. Dan l-avveniment importanti se jservi biex jgħolli l-profil tal-atletika u tal-sport b’mod ġenerali f’Malta. Athletics Malta ilha għal dawn l-aħħar sentejn taħdem biex tilħaq l-istandards għolja li European Athletics tistenna fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-avvenimenti.
Il-fatt li dan il-Kampjonat se jsir f’pajjiżna huwa rikonoxximent tal-ħidma ta’ Athletics Malta biex tikkontribwixxi għat-turiżmu sportiv, b’dan l-avveniment ta’ ġurnata joħloq aktar minn 900 bed night u injezzjoni ta’ madwar 170,000 fis-settur tal-ospitalità, kontribut importanti hekk kif dan qed ifittex li jirpilja wara li l-pandemija xekklet it-turiżmu madwar id-dinja.
L-avveniment se jsir nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa, fejn bħalissa għaddejja ħidma infrastrutturali biex din il-binja tkun tista’ tilqa’ dan il-Kampjonat.
Waqt l-introduzzjoni tiegħu, il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech iddeskriva l-fatt li Malta se tospita s-CSSE 2022 bħala mument importanti għall-assoċjazzjoni. Huwa spjega kif tul l-aħħar xhur, Athletics Malta kienet qed taħdem fuq żewġ binarji: kemm biex tiżgura avveniment tal-aqwa kwalità mill-aspett organizzattiv u loġistiku, filwaqt li fl-istess ħin biex issaħħaħ il-livell tal-atleti Maltin li se jieħdu sehem. F’dan il-kuntest, kien allokat baġit bla preċedent biex l-atleti elite jkunu jieħdu sehem fi struttura ta’ taħriġ ta’ livell għoli, li tinkludi kampijiet ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet barra l-pajjiż, l-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta
Grech żvela li Athletics Malta tinsab f’diskussjonijiet mal-Athletics Association of Small States of Europe u European Athletics biex jinħoloq Kampjonat tas-CSSE għar-Road Racing, li eventwalment jista’ jsir f’Malta wkoll. L-Assoċjazzjoni qed tippromwovi wkoll lill-pajjiżna bħala post ideali mhux biss għal avvenimenti sportivi iżda anke għal konferenzi, taħriġ u korsijiet organizzat fil-kuntest tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li “ta’ sodisfazzjon nara li fil-11 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, Malta ser tospita dawn il-logħob tal-atletika. Apparti r-reklam sabiħ li ser ikollhom il-Gżejjer Maltin, bi pjaċir ninnota li ġejjin f’Malta, 300 atleta barrani u uffiċjal minn 17-il pajjiż Ewropew li mistennija jiġġeneraw f’pajjiżna ‘l fuq minn 900 bed night b’effett dirett ta’ 170,000 ewro fis-settur tal-ospitalità.” “It-turiżmu sportiv kapaċi jkun għodda importanti biex pajjiżna verament jibda jgħannaq il-kunċett tal-kwalità fil-vokabularju turistiku,” saħaq il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar il-ħidma li qed issir biex Malta ssir hub għall-Isport u għalhekk dan is-settur jiġbed lejħ avvenimenti sportivi kemm Ewropej u wkoll Internazzjonali. “Filfatt bħalissa għaddejja ħidma infrastrutturali kbira biex l-istadium tal-atletika tal-Marsa jsir wieħed ta’ standard ta’ l-aqwa kwalità u ta’ livell Internazzjonali u għalhekk se jkun jista’ jilqa’ dan il-Kampjonat u wkoll avvenimenti oħra li se jsiru f’pajjiżna fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin”, qal il-Ministru Grima.
CSSE Malta 2022 hi appoġġjata mill-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, Visit Malta, Eurosport u Salini Resort. Aktar dettalji dwar CSSE 2022 huma disponibbli fuq is-sit https://cssemalta22.mt/