Tnediet skema tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport li tgħin studenti atleti fil-livell post-sekondarju biex ikomplu bl-istudji akkademiċi u bit-taħriġ sportiv.
L-iskema hija mħaddma b’kollaborazzjoni bejn l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u ħames istituzzjonijiet post-sekondarji: il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), Junior College, Giovanni Curmi Higher Secondary, GEM16+, u s-Sixth Form f’Għawdex.
Filwaqt li jkomplu bl-istudju akkademiku, l-istudenti jkollhom ukoll sessjonijiet ta’ taħrig professjonali fid-dixxiplina sportiva tagħhom. Fi ftit kliem: se jkollom timetable speċjalizzata għalihom.
L-iskema hija miftuħa għal studenti li jkunu għadhom kemm temmew l-istudji sekondarji fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kif ukoll studenti li jiffurmaw parti minn xi tim nazzjonali.
Studenti atleti tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport se jkunu jistgħu jkomplu jgawdu mill-għajnuna mogħtija minn din l-iskola b’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet post-sekondarji msemmija. L-istudenti se jingħataw gwida kif jistgħu jagħmlu dan mill-istituzzjoni li jkunu se japplikaw magħha.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima esprima sodisfazzjon meta jara studenti li għaddew minn din l-iskola u issa jgħixu ħajja professjonali barra u jiksbu riżultati kemm personali kif ukoll f’isem il-klabbs li jirrappreżentaw. “Din hija konferma tax-xogħol siewi li jsir fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport”, qal il-Ministru.