Suċċess għall-atleti Maltin Keith Azzopardi u Celeste Galea minn Team Noel, li fi tmiem il-ġimgħa ġġieldu f’Pariġi waqt l-avveniment Fighters Level Up.
Azzopardi, li huwa atleta professjonali u Champion Ewropew, irrappreżenta lil Malta diversi drabi fi ġlidiet barra minn xtutna. Ma’ Franza, Azzopardi għandu relazzjoni speċjali, għaliex kien proprju hawn li s-sena li għaddiet ġie ddikjarat Champion Ewropew tal-WKN. Nhar is-Sibt li għadda Azzopardi ffaċċja atleta Franċiż ta’ livell għoli, u għadda biex rebaħ bout ta’ K1 3×3.Għal Galea din kienet l-ewwel ġlieda barra minn xtutna, għalkemm kienet diġà rrappreżentat lil Malta diversi drabi fi ġlidiet internazzjonali waqt l-avvenimenti lokali tal-Gladiators. F’Pariġi Galea ġġieldet bout ta’ K1 4×2 kontra atleta Franċiża, bil-ġlieda ġiet iddikjarata ‘draw’.
Iż-żewġ atleti Maltin kienu akkumpanjati mill-kowċ tagħhom, Master Noel Mercieca, li ġimgħa qabel kien jinsab fir-Repubblika Ċeka jakkumpanja lill-atleta Diane Schembri, li wkoll kisbet rebħa għal Malta.
It-taħriġ li għamlu l-atleti Maltin fl-aħħar ġimgħat, u anki dawn il-ġlidiet infushom, se jservu wkoll ta’ preparament u iżjed esperjenza għall-ġlidiet li se jikkompetu fihom fil-10 Novembru li ġej waqt il-21 edizzjoni tal-Gladiators fil-Padiljun ta’ Kordin.