Fl-eqqel tas-sħana sajfija fejn ħafna minna nkunu qed ingawdu l-frisk tal-baħar, l-atleta Antonio Flores, żagħżugħ ta’ 29 sena, kien qiegħed waqt sessjoni ta’ taħriġ fil-korsa tal-ġiri fil-Marsa. L-atleta Paralimpiku kien diġà ħa sehem fil-logħob paralimpiku tal-2008, iżda minħabba raġunijiet ta’ saħħa kellu jirtira milli jieħu sehem fiż-żewġ edizzjonijiet ta’ wara. Illum il-ġurnata, saħansitra qabel ma għadda mill-proċedura ta’ amputazzjoni ta’ saqajh, reġa’ beda jitħarreġ għal dawn il-logħob.
Flores ilu għal aktar minn sena jitħarreġ b’sieq prostetika għal din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża.
“Bażikament it-taħriġ beda teknikament tista’ tgħid qabel ma għamilt l-amputazzjoni, ma stajtx niġri dak iż-żmien, imma kont qed nagħmel affarijiet bħal gym, rota u affarijiet biex inżomm il-fitness kemm nista’, wara l-imputazzjoni bdejt taħriġ tista’ tgħid mill-għada stess; kulma kien it-taħriġ bil-wheelchair bdejt indur mal-isptar nazzjonali ta’ Malta, kemm ngħid nibda xi ħaġa u mbgħad beda bil-mod il-mod.”
F’Awwissu Flores se jkun qed jieħu sehem f’kompetizzjoni uffiċjali li se ssir f’Pariġi li tiddetermina jekk jilgħabx fil-logħob paralimpiku li jmiss.
Intant żorna wkoll il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera fejn konna preżenti għal sessjoni ta’ taħriġ tal-weightlifter Yazmin Zammit Stevens, illi għandha f’idejha r-rekord nazzjonali tal-weighlifting.
Zammit Stevens qed titħarreġ bil-għan li s-sena d-dieħla tkun qed tirrapreżenta lill-pajjiżna fl-Olimpjadi li se jsiru f’Tokjo, l-Ġappun.
Minkejja li hemm post għal 14-il atleta biss fil-weightlifting minn madwar id-dinja, l-atleta Maltija hija determinata biex il-ħolma tagħha ssir realtà.
“Minn dejjem kont neħodha bis-serjetà ħafna, però aktar ma joqrob iż-żmien għal 2020, aktar qed neħduha bis-serjetà. Ħajti bażikament hija biss dan l-isports, nagħmel minn kollox li ma ntellifx it-training tiegħi. Kemm jista’ jkun anke ħruġ u dawn l-affarijiet, min jafni, jaf li ma tantx jaraw lil wiċċi barra mid-dar”
Tkellimna wkoll ma’ Jesmond Caruana, il-kowċ ta’ Zammit Stevens fejn qalilna illi minbarra l-preparazzjoni li jirrekjedi l-isport fil-gym, l-atleti jkollhom bżonn ukoll preparazzjoni mentali.
“Aħna għandna ċ-ċans ukoll bħal pajjiżi oħrajn minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż tagħna. Peress li l-atleta tipprepara dan it-taħriġ kollu, fil-ġimgħat li ġejjin ukoll ħafna training camps: kemm hawn Malta kif ukoll barra minn Malta. Jiġiferi importanti li l-atleta, mhux biss fil-kompetizzjonijiet li semmejna, iżda wkoll ħafna kampijiet ta’ taħriġ barra fejn l-atleta titħarreġ ukoll ma’ atleti oħrajn barranin.”
Intant l-atleta paralimpiku għalaq b’messaġġ ta’ ispirazzjoni għal dawk li forsi l-ħajja tathom pinta ħelu u bettija morr.
“Jiena nemmen li fil-ħajja irrelevanti x’inhi s-sitwazzjoni għax kulħadd għandu sitwazzjoni differenti, trid tkun naqra rasek iebsa u trid sfortunatament tagħmel naqra ġilda ħarxa, ġifieri, you have to resist the hardships in life and keep pushin on, u b’xi mod se tasal aktar milli taħseb żgur.”