L-ewwel atleta, b’diżabiltà intelletwali, li qatt ingħata t-titlu ta’ SIGA (Sport Integrity Global Alliance) Champion huwa propju atleta ta’ Special Olympics Malta fid-dixxiplina tal-atletika, Gilmour Borg. Din l-aħbar ingħatat fil-kapitali Portugiża Lisbona, nhar l-Erbgħa 26 ta’ Lulju fil-preżenza tal-istess Borg fejn intlaqgħet b’sodisfazzjon kbir.
Min-naħa taċ-Chairperson ta’ Special Olympics Malta, is-Sinjura Michelle Muscat, u d-Direttur Nazzjonali tal-istess Kumitat, Anna Calleja, laqgħu din l-aħbar b’mod pożittiv ħafna. “Malta għandha biex tkun kburija li persuni bħal Gilmour Borg mhux biss jagħmlu ġieħ lil pajjiżhom permezz tal-ksib tal-midalji, iżda anke b’rikonoxximenti bħal dawn, ġejjin minn Għaqdiet Internazzjonali li jkomplu juruna kemm id-daqs tagħna ma jagħmilx differenza,” qalet is-Sinjura Muscat.
Fl-irwol tiegħu, Gilmour Borg, li rebaħ numru ta’ medalji fl-isport tal-atletika, wiegħed li se jkun qed jixpruna ’l quddiem il-viżjoni tal-organizzazzjoni SIGA; dik tal-integrità fl-isport kif ukoll li jkun ambaxxatur għal persuni b’diżabiltà intelletwali u l-ħtieġa t’inklużjoni bis-saħħa tal-isport.
F’kummenti li ta Gilmour Borg huwa qal li l-isport jgħin sabiex wieħed ikabbar il-ħiliet tiegħu u jgħin lin-nies ikunu kburin b’dak kollu li jiksbu fid-dixxiplina sportiva rispettiva li jippratikaw. “L-irwol li ngħatajt minn SIGA, flimkien mal-appoġġ tal-organizzazzjoni se nkun qed ngħin sabiex ngħixu ħajja aktar indipendenti u ’l bogħod minn kull diskriminazzjoni. Permezz ta’ SIGA se nkunu nistgħu nsemmgħu leħħinha aktar,” saħaq l-atleta Malti Borg.