Atlas Insurance nediet il-kalendarju annwali ferm mistenni tagħha li jiġbor fih kollezzjoni ikkurata ta’ xogħlijiet tal-artista Maltija magħrufa Catherine Cavallo.
Il-kalendarju maħruġ minn Atlas Insurance evolva fi tradizzjoni konsistenti, u kull sena jinkludi ġabra ta’ xogħlijiet tal-arti magħżula b’mod maħsub għal kull edizzjoni. Matul is-snin, il-kalendarju wera l-kreazzjonijiet ta’ artisti lokali li ġejjin minn sfondi differenti, kull wieħed b’ħiliet tekniċi u sorsi ta’ ispirazzjoni distinti.
Permezz tal-ġabra tal-arti fil-kalendarju ta’ din is-sena, Atlas Insurance tenfasizza l-evoluzzjoni artistika ta’ Catherine Cavallo tul karriera notevoli, fejn ix-xogħlijiet tagħha ġew ispirati mill-vjaġġi li għamlet madwar id-dinja filwaqt li b’mod konsistenti baqgħu msejsa fil-wirt kulturali Malti.
Catherine Calleja, Direttur Eżekuttiv u Group Company Secretary ta’ Atlas Insurance, ikkummentat: “Aħna nemmnu bis-sħiħ fl-appoġġ tal-arti bħala parti mill-programm ta’ involviment tagħna fil-komunità. Din is-sbatax-il edizzjoni tal-kalendarju tal-Atlas, li huwa mod wieħed kif nappoġġjaw l-arti, hija ddedikata għax-xogħol sabiħ ta’ Catherine. Din l-inizjattiva annwali hija okkażjoni biex jintwera x-xogħol ta’ xi artist partikolari u ta’ kull xahar noħolqu l-opportunita` biex niċċelebraw u nispiraw ruħna minn biċċa xogħol tal-arti. Nittamaw li l-vjaġġ artistiku ikkulurit ta’ Catherine Cavallo kif muri fil-kalendarju tagħna tal-2024 se jagħti ħafna mumenti bħal dawn matul is-sena li ġejja lill-klijenti tagħna u lill-imsieħba kummerċjali tagħna.”
L-artista Catherine Cavallo rringrazzjat lil Atlas Insurance filwaqt li kkummentat dwar l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ inizjattivi għas-settur tal-arti u l-kultura: “L-appoġġ lill-artisti huwa fundamentali għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ kreattività u innovazzjoni. Lil hinn mill-isforzi artistiċi tagħhom, l-artisti jeħtieġ li jiġu appoġġati permezz ta’ inizjattivi li jgħinuhom jesponu l-arti tagħhon u jispiraw lin-nies biex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv biex japprezzaw l-arti.”
Is-silta t’hawn taħt hija traduzzjoni ta’ parti mid-deskrizzjoni bijografika ta’ Catherine Cavallo fil-Kalendarju tal-Atlas Insurance tal-2024, li tiddeskrivi l-vjaġġ artistiku tagħha:
Catherine Cavallo bdiet l-istudji tagħha f’Londra fl-età ta’ 18-il sena, fejn studjat il-Fine Art/Oil Painting għal erba’ snin f’The City and Guilds of London Art School. Hija qattgħet tmien snin f’Londra li matulhom iffukat biss fuq il-pittura figurattiva. Wara dan, hija qattgħet tliet snin fit-Toscana. Ir-reġjun tal-Chianti kellu influwenza qawwija fuq l-arti tagħha li tista’ tidher fix-xogħlijiet preżenti tagħha. Residenti Malta, Catherine taqbad fl-arti tagħha l-ispirtu tal-post fejn twieldet b’intensità karatteristika. L-imħabba pura ta’ Catherine għall-użu u l-manipulazzjoni taż-żebgħa wasslet għal xogħlijiet astratti, fejn il-kulur u t-ton jippreċedu l-forma. L-istil tal-pittura tagħha – figurattiv, baħar/pajsaġġ u astratt – spiss jinfluwenzaw u jinfiltraw f’xulxin.