Athletics Malta nediet ir-Road Running League Series ta’ Malta għall-istaġun 2024-2025, kampjonat li ġie estiż għal sitt tlielaq bl-involviment ta’ klabbs lokali fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti.
Din is-serje, li twassal biex ikun determinat ir-rebbieħ tat-titlu nazzjonali tal-ġiri fit-toroq fuq livell individwali u ta’ klabb, tinkludi tliet tlielaq ta’ 5km u tlieta ta’ 10km f’lokalitajiet differenti.
Wara s-suċċess tas-Serje fis-snin li għaddew, Athletics Malta wessgħet il-kampjonat għal sitt tlielaq, bi tlieta minnhom jiġu organizzati mill-klabbs lokali. Dan se jgħin biex jiżdied il-livell tat-tlielaq f’Malta, hekk kif l-avvenimenti jridu jiġu ċertifikati minn World Athletics biex ikunu jistgħu jiffurmaw parti mis-serje tar-Road Running League. Din iċ-ċertifikazzjoni mhux biss iżżid il-kwalità tat-tellieqa iżda tiżgura wkoll li l-ħinijiet miksuba jkunu validi għal rekords nazzjonali u tal-kategoriji differenti kif ukoll bħala standards ta’ kwalifikazzjoni għal avvenimenti internazzjonali.
Barra minn hekk, ir-Road Running League Series se toffri opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni tal-massa, hekk kif dilettanti tal-atletika u l-ġiri dilettanti jistgħu jipparteċipaw u b’hekk itellqu ma’ atleti stabbiliti u jiksbu midalji fil-kompetizzjonijiet uffiċjali. Dan biex insaħħu l-isport qrib il-komunitajiet f’Malta, f’ambjent inklussiv u kompetittiv fl-istess ħin.
Il-kampjonat se jibda fis-27 ta’ Ottubru b’tellieqa ta’ 10km organizzata minn Pembroke Athleta f’Ta’ Qali. Wara jsegwu tnejn ta’ 5km, waħda minn Evolve Endurance Club f’Ta’ Xbiex u l-oħra minn Rush AC f’Safi fis-17 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru rispettivament. Ir-raba’ tellieqa se tieħu l-atleti fuq rotta ta’ 10km f’Ħal Far fid-19 ta’ Jannar 2025.
Is-Serje imbagħad tilħaq il-qofol tagħha fis-16 ta’ Frar u s-16 ta’ Marzu rispettivament, b’Athletics Malta torganizza l-aħħar żewġ tlielaq f’Ta’ Qali, biż-żewġ avvenimenti jservu bħala l-Kampjonat Nazznonali tal-10k u l-5km rispettivament.
L-istaġun li għadda kienu Evolve Endurance Club li rebħu l-kampjonat tal-irġiel u tan-nisa, filwaqt li Joelle Cortis u Dillon Cassar kisbu t-titlu individwali bil-flokk ta’ Mellieħa AC.