Athletics Malta organizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa fil-preżenza tal-membri tal-Kunsill u preżenza mdaqqsa ta’ rappreżentati ta’ klabbs u membri.
Il-laqgħa tmexxiet mill-President interim Aldrin Cassar li ta ħarsa dettaljata tal-attivitajiet tal-Assoċjazzjoni tul l-aħħar sena. Tul dan il-perjodu, Athletics Malta investiet bis-saħħa biex ittejjeb l-infrastruttura tal-Istadium kif ukoll fl-atleti elite bi tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Dan kien possibbli wkoll grazzi għall-appoġġ mogħti minn Sport Malta, mill-Kumitat Olimpiku Malti, mill-Gvern, b’mod partikolari l-Ministeru tal-Edukazzjoni li huwa responsabbli għall-Isport u l-NSDF.
Is-Sur Cassar spjega kif il-priorità tal-Kunsill fit-tieni sena tat-terminu tiegħu se jkun li jiffoka fuq is-settur taż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz ta’ investiment addizzjonali fil-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ atleti u l-promozzjoni tal-isport fl-iskejjel. Priorità oħra se tkun it-tnedija ta’ statut ġdid hekk kif il-federazzjoni qed tfittex li tkompli ssaħħaħ l-istrutturi u l-governanza tagħha biex tkompli proċess ta’ modernizzar mibdi ftit snin ilu. Dawn il-pjanijiet huma parti mill-Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali, imħejji s-sena li għaddiet għal tliet snin, bl-għajnuna ta’ European Athletics. Proprju fil-ġimgħat li ġejjin, rappreżentanti ta’ EA se jkunu Malta biex janalizzaw u jiddiskutu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan fl-ewwel sena tiegħu u jipprovdu rakkomandazzjonijiet għas-sentejn li ġejjin.
Il-President interim spjega li filwaqt li r-riżenja tas-Sur Andy Grech mill-President ħolqot sfida mhux żgħira għat-tim eżekutiv, dan kien qed jaħdem qatigħ bl-għajnuna tal-membri tal-Kunsill biex l-attvitajiet ippjanati mill-Assoċjazzjoni jkomplu għaddejjin bla xkiel.
Minkejja li ma kienet skedata ebda elezzjoni għal din l-AĠM peress li l-Kunsill kien elett għal sentejn, il-Kunsill kien formalment infurmat bir-riżenji ta’ Andy Grech (President) u Lawrence Ransley (membru). Għall-kariga ta’ President, se tissejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja f’Ġunju. Għall-post ta’ membru tal-Kunsill, is-Sur Vincent Farrugia kienet elett waqt vot meħud waqt l-istess AGM biex jieħu post is-Sur Ransley.
Huwa jingħaqad ma’ Aldrin Cassar, Darren Micallef, Duncan Abdilla, Antonella Chouhal, Claudette Caruana, Tony Fava, Alan Zammit, Gerald Grech u Karl Farrugia fuq il-Kunsill.