Athletics Malta ħadet pass importanti lejn rappreżentazzjoni aktar ġusta tal-ġeneru fl-ogħla organu amminsitrattiv tagħha, wara emenda fl-istatut approvata dil-ġimgħa waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja.
Permezz ta’ din l-emenda, ippreżentata minn Athletics Malta fuq inizjattiva tal-membru tal-Kunsill Tony Fava u l-President Aldrin Cassar, l-istess Athletics Malta saret waħda mill-ewwel federazzjonijiet sportivi f’Malta li inkludiet il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneru fl-istrutturi ta’ governanza tagħha fuq livell ta’ Kunsill. Aktar minn hekk, Athletics Malta saret waħda mill-ewwel assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet tal-atletika fl-Ewropa li ħadet dan il-pass. Filfatt, huma biss Franza u l-Irlanda li għandhom dispożizzjonijiet simili.
Filwaqt li l-karigi eżekuttivi ta’ President, Segretarju Ġenerali u Teżorier se jibqgħu miftuħa biex jiġu kkontestati wara nomina mill-membri kollha tal-assoċjazzjoni irrispettivament mill-ġeneru, il-pożizzjonijiet l-oħra fuq il-Kunsill se jkunu qed jimtlew b’mod li tintlaħaq parità bejn is-sessi. L-Istatut issa se jipprovdi għal minimu ta’ erba’ membri fuq il-Kunsill barra l-karigi eżekuttivi, iżda jekk l-elezzjoni twassal biex tlieta jew erba’ minn dawn il-postijiet jimtlew minn membru tal-istess ġeneru, l-istatut issa se jipprovdi għal elezzjoni ulterjuri jew co-option b’mod li sa erba’ membri mill-ġeneru oppost jiġu eletti wkoll, biex b’hekk ikun hemm tmexxija bilanċjata u diversa.
Il-President ta’ Athletics Malta Aldrin Cassar esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-pass importanti u qal: “Athletics Malta hija kburija li tinsab minn ta’ quddiem biex tippromwovi ugwaljanza sħiħa fit-tmexxija. B’dawn l-emendi mhux biex tajna eżempju f’pajjiżna iżda poġġejna lilna nfusna minn ta’ quddiem fl-Ewropa fost l-assoċjazzjonijiet li ħadu pass importanti bħal dan”.
Huwa żied jgħid li jekk tħares lejn l-atletika u l-ġiri f’Malta, fl-aħħar snin il-parteċipazzjoni tan-nisa żdiedet sostanzjalment fit-trakka, iżda riċentement anke fil-ġiri fit-toroq u f’kompetizzjonijiet non-stadia. “Għalhekk nemmen li hu importanti li dawn l-atleti jkunu rappreżentati b’mod ugwali fuq il-Kunsill ta’ Athletics Malta. Nemmnu wkoll li perspettivi differenti jagħtu kontribut favur ambjent aktar dinamiku u inklussiv”.
Dawn il-provvedimenti se jkunu applikabbli mill-elezzjoni li jmiss għall-Kunsill ta’ Athletics Malta, skedata għat-23 ta’ April 2024.