L-estensjoni tal-Covid Wage Supplement se tkun qed tgħin mhux biss l-operaturi tal-ospitalità f’Għawdex imma wkoll se tkun qed tfisser li ma jkunx hemm żieda qgħad fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Dan kien is-sentiment simili tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu wara li nhar it-Tlieta li għadda tħabbar li l-Covid Wage Supplement ġie estiż sal-aħħar ta’ din is-sena għal dawk l-aktar milquta filwaqt li l-Erbgħa l-Gvern ħabbar sett ta’ miżuri biex titrażżan l-imxija u magħhom żied jgħid li l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi se tingħata b’mod sħiħ lin-negozji milquta mill-miżuri l-ġodda.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg, fisser kif il-Gvern qed jibqa’ jinvesti f’negozji li baqgħu reżiljenti.
Borg stqarr: “Bħala Kamra nilqgħu l-inizjattiva tal-full wage supplement li ħa jingħata lil dawk li qed jingħalqu anke t-tkomplija tal-wage supplement. Dan huwa neċessarju u huwa miżura li qed ikompli biex jsostni n-negozji, ħafna minnhom bħalissa ħafna minnhom jinsabu b’survival mode, u dan naħseb huwa l-investiment li jrid jagħmel il-Gvern.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, Joe Muscat, qal li s-settur turistiku Għawdxi qed jara l-Covid Wage Supplement bħala miżura li tiswa mitqlu deheb biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi.
Muscat qal, “Miżura illi s-settur turistiku b’mod speċjali f’Għawdex inħares lejha b’mod pożittiv għaliex żgur se tgħin ħafna sabiex l-istabbilimenti tagħna jkomplu bl-operat tagħhom u jkomplu jżommu wkoll il-work force tagħhom, il-ħaddiema tagħhom u hekk ma jkollniex qgħad f’din l-industrija.”
Intant mill-aspett mediku, l-Assoċjazzjoni tat-tobba, il-MAM, laqgħet il-miżuri mħabbra mill-Gvern biex irażżnu t-tixrid tal-infezzjonijiet tal-Coronavirus.
Il-MAM appellat lill-pubbliku, speċjalment lill-anzjani u lill-vulnerabbli, biex jibqgħu d-dar u kemm jista’ jkun ma jkollhom kuntatt ma’ ħadd.
Ma’ dan l-istazzjon, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM, Dr Martin Balzan saħaq li ż-żieda fl-infurzar u l-miżuri huma tajbin għas-saħħa pubblika, u nnota b’sodisfazzjon ukoll il-pjan ta’ tilqim li miexi b’mod tajjeb u regolari.
Saħaq li n-nies jeħtieġ jibqgħu josservaw il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Dr Balzan sostna: “Il-miżuri jidhru tajbin imma inti trid tagħmel reality check, jiġifieri fil-mard dejjem hekk nagħmlu: tieħu l-miżuri; tosserva u jekk jidhru li qed jaħdmu tkompli, jekk jidhru li mhux qed jaħdmu trid iżżid.”