Bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra ġew irreġistrati ftit inqas minn ħamsa u sittin elf żjara fl-erbgħa u għoxrin ċentru ta’ servizz.gov, li hawn madwar Malta u Għawdex.
Dan ħareġ minn statistika uffiċjali miġbura mill-istess aġenzija fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet u li uriet kif l-iktar tliet ċentri reġjonali li laqgħu persuni kienu dawk taż-Żejtun, ta’ Ħal Qormi u tal-Mosta.
L-iktar ċentru tekniku li laqa’ persuni kien dak tat-Taxpayer Service. F’dan il-kwart tas-sena, ġew irreġistrati iktar minn għaxart elef żjara. Iċ-ċentru tal-Edukazzjoni, irreġistra ftit iktar minn elf u disa’ mitt żjara.
Matul Ottubru, Novembru u Diċembru li għadda, il-Freephone 153 wieġeb ftit inqas minn mitejn elf telefonata fejn il-maġġoranza talbu assistenza dwar is-sigurtà soċjali.
Fuq is-sit ta’ servizz.gov, fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, daħlu aktar min mitejn u tmenin elf darba.
In-numru totali ta’ mobile apps li ġew installati permezz tal-maltapps launcher kien ta’ ftit inqas minn għaxart elef bl-iktar app popolari tkun dik ta’ COVID Alert Malta, li tniżżlet ftit inqas minn tliet elef darba.
L-istqarrija wriet ukoll kif l-indirizz elettroniku servizz@gov.mt, irċieva iktar minn tnax-il elf u ħames mitt ittra elettronika, b’Ottubru jkun l-aktar xahar li fih l-aġenziji rċeviet ittri elettroniċi.