L-eżamijiet tal-Università ta’ Ġunju mhux ser ikunu qed isiru fil-klassijiet tal-kampus.
L-istudenti ser jiġu mitluba biex jagħmlu dawn l-eżamijiet b’modi alternattivi, fosthom assignment jew eżamijiet mid-dar.
L-istudenti kollha ser ikunu mgħarrfa dwar dan mhux sa aktar mis-17 ta’ April.
L-istudenti li din is-sena jridu jippreżentaw it-teżijiet ġew mitluba sabiex jagħmlu dan b’mod online, fejn wara ser jintalbu biex jippreżentaw kopja lill-fakultà, l-Istitut jew Dipartiment li qed jistudjaw fih.
Ir-Rettur tal-Università ser ikun qed jikkonsulta mas-Supretendent tas-Saħħa sabiex jara jekk hux possibli li grupp żgħir ta’ studenti, li jridu jipprattikaw fil-laboratorji tal-mediċina, jibqgħu jagħmlu dan xorta waħda.
Min-naħa l-oħra dawk l-istudenti li għandhom il-placements ser ikunu qed jagħmlu dan meta s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei tippermetti. Dawk l-eżamijiet fil-klinċi ser ikunu qed isiru meta jinstabu kliniċi alternattivi.
Intant, il-Fakultà tal-Edukazzjoni qalet li qed tara l-possibilitajiet kollha sabiex it-teaching practice isiru online.
Ir-resits ser ikunu qed isiru mhux aktar kmieni minn 8 ġimgħat wara li jsiru l-eżamijiet alternattivi. L-eżamijiet tar-resit ser isiru bl-istess metodu ta’ Ġunju.
Is-senat iddeċida wkoll li l-istudenti li ser ikunu qed ifallu minn 12 il-kreditu minħabba diffikultajiet jew raġunijiet oħra relatati mal-Coronavirus, ser ikunu qed jitħallew xorta waħda jitilgħu għas-sena ta’ wara fuq diversi kundizzjonijiet.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjoni fis-senat tal-Università ta’ Malta.