Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħabbar li mis-sena skolastika li ġejja se jibda jissostitwixxi l-eżamijiet ta’ nofs is-sena fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha tal-istat b’assessjar kontinwu u formattiv matul is-sena skolastika kollha, dan fl-istess waqt fejn jibdew deħlin sillabi riveduti. B’hekk ser ikun qed jogħla l-valur tat-tagħlim miksub mill-istudenti tul il-vjaġġ edukattiv tagħhom.Flimkien mal-introduzzjoni ta’ aktar assessjar kontinwu u formattiv minflok eżamijiet ta’ nofs is-sena, ser jibqgħu fis-seħħ l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena żviluppati ċentralment.
Fuq livell ta’ edukazzjoni primarja, mal-eżamijiet tal-aħħar tas-sena tal-Malti, Ingliż u matematika se jiġi introdott eżami ġdid marbut max-xjenza, qasam ieħor importanti ferm għall-individwu u s-soċjetà. Apparti dan, l-istudenti ser ikunu assessjati b’modalitajiet differenti fis-suġġetti tar-reliġjon u tal-istudji soċjali.
Fl-istess waqt, se tkun qed titnieda poltika dwar il-homework fejn se jiġu involuti mhux biss l-edukaturi imma anke l-istudenti u l-ġenituri tagħhom.
Eventwalment is-sistema tal-assessjar kontinwu mill-għalliema fl-iskejjel, f’parametri ta’ kwalità mħarsa mill-MATSEC, se taffettwa wkoll il-grad (grade) finali tal-O-levels fi tmiem is-sekondarja fejn studenti mill-Form 3 (fis-sena skolastika 2019/20) se jibda jkollhom marki li jiġu akkumulati sal-Form 5 u li jissarfu f’persentaġġ li jiżdied ma’ persentaġġ ieħor ġej mill-marka tal-eżami mfassal u ikkoreġut mill-MATSEC għas-SEC tal-2021/22. Minn dakinhar l-eżamijiet tas-SEC se jibdew isiru fl-iskejjel rispettivi tal-istudenti, fl-ambjent li huma familjari miegħu, u mhux se jkollhom bżonn ibidlu l-post biex iħejju dawn l-eżamijiet, b’ħafna inqas skariġġ u tensjoni għall-istudenti u l-familji tagħhom.
L-għeruq ta’ din ir-riforma għandha bażi fuq konsultazzjoni wiesa’ li l-Ministeru kellu matul iż-żmien ma’ rappreżentanti tad-diversi msieħba, fosthomedukaturi, studenti u ġenituri. Għall-Ministeru l-valur jinstab fl-edukazzjoni li toħroġ mit-tagħlim, u mhux fit-tellieqa għal marki li mhux bilfors jissarfu f’tagħlim. Għalhekk, l-assessjar ser ikun aktar parti mit-tagħlim. Dan il-pass se jfisser ukoll li se jiżdied l-ħin disponibbli għall-għalliema biex ikunu jistgħu jgħallmu b’pass meqjus, u kif ukoll żieda ta’ madwar 50 siegħa ta’ tagħlim għall-istudenti. L-eżamijiet tal-aħħar tas-sena se jkomplu jsiru fl-istess żmien tas-sena bħal qabel.
Dan hu pass ieħor, u parti minn numru ta’ miżuri li tfasslu u ser ikunu qed jittieħdu, biex tiġi modernizzata s-sistema edukattiva, biex issir iżjed umana u relevanti. Dan qed isir ukoll b’fiduċja lejn l-impenn, id-dedikazzjoni u l-professjonalità tal-għalliema li se jkollhom iżjed ħin għat-tagħlim u għall-assessjar.
Dan it-tibdil se jibda dieħel fis-seħħ fi pjan meqjus mis-sena skolastika li ġejja, jiġifieri dik tal-2018/19.