Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo stqarr li mill-2013 lil’ hawn, il-Gvern kontinwament dawwar ħarstu fuq il-bżonnijiet tas-sistema edukattiva, tant li saret ħidma bla waqfien biex tkun introdotta edukazzjoni vasta u nteressanti.
Dan qalu f’intervista estensiva li ta lill-gazzetta Kulħadd fejn stqarr li hu u t-tim tiegħu jemmnu li t-tfal u ż-żgħażagħ huma l-pijunieri tas-soċjetà futura ta’ pajjiżna, għaldaqstant żied jgħid li kien essenzjali li s-sistema edukattiva tkompli sservi bħala s-sinsla tal-progress ta’ dan in-nazzjon.
Il-Ministru Bartolo stqarr li minn din is-sena skolastika ġdida se tiġi addottata sistema ta’ assessjar kontwinu u formattiv minflok eżamijet ta’ nofs is-sena filwaqt li se jitħallew l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena fis-seħħ.
Dan bil-għan li jgħola l-livell tal-edukazzjoni u t-tgħarif ikun miksub b’modi iżjed interessanti iżjed milli struttura ta’ eżamijiet li f’ċertu każijiet jistà jkun li ma tkunx is-sistema ideali għal ċertu studenti.
Il-Ministru żied jgħid li dan kollu qed isir fid-dawl tal-fatt li wasal iż-żmien li l-istudenti ma jibqgħux jaslu fl-aħħar sena tas-Sekondarja u jagħmlu biss tellieqa ta’ studju sa ma jaslu sal-O’ Levels, iżda jkollhom ħidma akkumulata tul is-snin li fihom ikunu marru l-iskola li tirrifletti fuq ir-riżultati finali.
Dan bil-għan li b’mod ħolistiku, l-istudenti jkollhom l-opportunità li jgawdu ħajja ta’ bilanċ bejn l-istudju u dak kollhu li jservi ta’ mistrieħ bħall sport u volontarjat.
Meta mistoqsi dwar l-importanza ta’ suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji hu stqarr li dan hu pass importanti li l-Gvern diġa ħa azzjoni fuqu u se jkompli jisħaq fuqu biex ikompli jissaħħaħ.
Il-Ministru Bartolo ddeskriva l-ALP f’Raħal Ġdid bħala storja ta’ suċċess li wasslet biex dawk l-istudenti li ma nqabdux fix-xibka ta’ edukazzjoni konvenzjonali, tgħallmu dak li vera kien jinteresshom u qed jirnexxielhom jibnu l-karriera tagħhom.
Hu stqarr li dan kien biss l-ewwel pass hekk kif tul is-snin li ġejjin, permezz tal-inizjattiva My Journey, se jsiru iżjed investimenti f’ workshops u laboratorji.
L-intervistà għamlet ukoll referenza għall-miżuri li qed idaħħal il-Gvern li bihom qed jinkoraġġixi iżjed studenti li jibqgħu jistudjaw minkejja li l-familji tagħhom ma jkunux jistgħu jerfgħu l-piż tal-ispejjeż li ġġib magħha l-iskola.