Il-programm MAL-MOLL jirritorna llejla bis-sitt episodju tiegħu u jkompli jitfa’ dawl fuq elementi kulturali, ambjentali u wkoll fuq il-wirt marittimu ta’ Malta.
Din il-ġimgħa l-programm se jkun qed jeħodna għand Shaun minn PTR Marine flimkien mal-preżentatur Xandru Grech bl-għan li t-telespettaturi jinfurmaw ruħhom aħjar dwar x’dgħajjes hemm fuq is-suq u wkoll dwar il-manutenzjoni tal-opri tal-baħar.
Il-programm se jkun qed ilaqqa’ wkoll lit-telespettaturi ma’ Conrad Borg, maniġer responsabbli għall-operazzjonijiet relatati ma’ bastimenti żgħar. Borg se jiffoka fuq ir-reġistrazzjoni u l-liċenzjar ta’ dgħajjes żgħar taħt Transport Malta – suġġett partikolarment rilevanti għal dilettanti, sajjieda u sidien ta’ dgħajjes madwar il-gżira.
MAL-MOLL se jinforma wkoll lis-segwaċi dwar is-sitwazzjoni ambjentali li għaddejja fil-Mistra. Zachary Borg, uffiċjal mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), se jelabora dwar ix-xogħlijiet li qed isiru fiż-żona, flimkien mal-oqfsa legali u l-proposti mmirati lejn il-protezzjoni tal-ambjent uniku ta’ Malta. Il-kontribut tiegħu joffri lit-telespettaturi ħarsa aktar mill-qrib lejn l-isforzi biex jiġu salvagwardjati l-ispeċi indiġeni u l-ħabitats naturali permezz tar-riċerka.
Mal-Moll se jkun qed jagħti wkoll xi informazzjoni membru mill-Fondazzjoni Wirt Artna.
It-telespettaturi ta’ ONE mħeġġa’ jidħlu fuq il-paġna uffiċjali ta’ Mal-Moll fuq Facebook, fejn qed isiru kompetizzjonijiet matul l-istaġun, grazzi għall-appoġġ ta’ Stuart Marine. Mal-Molll iħeġġeġ ukoll lis-segwaċi biex jidħlu fuq TikTok (@malmoll.mt) għal kontenut saħansitra aktar esklussiv.
MAL-MOLL jixxandar illum il-Ħamis 15 ta’ Mejju fid-9:35pm fuq ONE