L-Eks Deputat Nazzjonalista u l-Avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, ammetta li kien gideb dwar is-Segretarju tal-Kabinett tal-Ministri, Ryan Spagnol.
Dan hekk kif permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata minnu u li qed jippubblika dan l-istazzjon, Azzopardi rtira l-allegazzjonijiet li għamel fil-konfront ta’ Spagnol, b’rabta ma’ dak li skontu kien skandlu dwar permessi ta’ residenza fi ħdan l-aġenzija Identità.
Spagnol kien ċaħad dan b’mod immedjat u, fi stqarrija uffiċjali, qal li se jiftaħ kawża ta’ libell fil-konfront ta’ Jason Azzopardi. Qal ukoll li dak li kiteb fuq il-midja soċjali Azzopardi kienu biss allegazzjonijiet foloz u malafamanti fil-konfront tiegħu.
Is-Segretarju tal-Kabinett kien talab lill-Avukat tiegħu Chris Cilia biex jibda l-proċeduri fil-Qorti ħalli jkun jista’ jnaddaf ismu mill-aktar fis.
Sadanittant fid-dikjarazzjoni li daħħal fil-Qorti, fejn ammetta li gideb, Jason Azzopardi qal li qed jirtira tali allegazzjonijiet li, skontu, saru “b’mod ġenwin” u anke talab skuża. Għalhekk, issa l-libell twaqqa’.
F’kitba fuq Facebook, Ryan Spagnol qal li l-prijorità tiegħu hi li jibqa’ jservi b’ħiltu kollha biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem, kif dejjem għamel b’sens ta’ lealtà u servizz. Saħaq li jkun qed jonqos jekk ma jirringrazzjax lil dawk kollha li qatt ma ddubitaw mill-integrità tiegħu, b’mod speċjali lill-Avukat Chris Cilia ta’ dak li għamel miegħu fl-aħħar xhur.
AQRA AKTAR: