L- Aquatic Sports Association ta’ Malta dan l-aħħar ospitat it-tieni time trial għall-istaġun 2021/22 fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
L-avveniment rat tmien klabbs lokali jkunu rappreżentati minn total ta’ 228 għawwiem li kkompetew f’total ta’ erbatax-il avveniment.
Ella Fenech Attard kisbet rekord tal-Age Group B fil-kompetizzjoni tal-100m Butterfly. Il-ħin għar-rekord li għadu kif ġie stabbilit kien 1:11,12. Ir-rekord preċedenti kien ta’ 1:11,40 li kien stabbilit minn Fenech Attard stess, fil-Kampjonati Nazzjonali li saru f’Diċembru tal-2021.
F’kumment dwar ir-riżultati miksuba, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran osserva li t-Tim Nazzjonali kien għadu kemm għadda minn bidla fil-programm ta’ kowċing tagħhom. Dan wara l-kamp ta’ taħriġ intensiv taħt it-tmun tal-kowċ internazzjonali tal-għawm Scott Volkers li sar aktar kmieni din is-sena. L-ASA hija fiduċjuża li t-teknika li qed tiġi addottata mill-għawwiema se jkunu ta’ benefiċċju il-quddiem fejn inġibu riżultati aħjar.
It-tielet time trial għall-Istaġun 2021/2022 se jsir is-Sibt 26 ta’ Marzu fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. L-avvenimenti se jibdew fis-14:00.
Ir-Riżultati Uffiċjali għat-tieni time trial jinsabu fuq https://www.swimrankings.net/index.php?page=meetDetail&meetId=629688